Dalgħodu qed issir l-aħħar sessjoni tal-Kunsill Ewropew taħt il-presidenza maltija tal-kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jiltaqa’ mas-27 Mexxej Ewropej, biex jiddiskutu affarijiet li kienu ta’ importanza tul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Fosthom il-migrazzjoni, speċjalment ir-rotta ċentrali li titlaq mill-Libja u tgħaddi minn fejn Malta u Lampedusa biex jitilgħu lejn l-Italja. Iżda l-imigrazzjoni mhux se jkun l-unika punt fuq l-aġenda, hekk kif fost oħrajn, se jkun qed jiġi diskuss ukoll is-suq intern li dwaru l-Presidenza Maltija ħadmet ħafna speċjalment fejn jidħol is-settur diġitali.
Fil-fatt, il-Presidenza Maltija rnexxielha tikseb qbil biex illum spiċċaw it-tarriffi roaming għal dawk it-telefonati li jsiru miċ-ċittadini Ewropej f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
Suċċessi li se jkunu qed jgħaddu lill-Presidenza Estonjana, li tibda fl-1 ta’ Lulju, li huwa mistenni li se tkun qed taħdem ukoll fuq il-qasam diġitali. Qasam li se jkun qed ikompli jibni fuq is-suċċessi kbar u importanti tal-Presidenza Maltija.
Fl-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ewropew ġiet diskussa ukoll il-kwistjoni BREXIT u l-issues relatati mat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Iżda fuq l-aġenda, bħal dejjem, hemm punti importanti oħra li jridu jiġu diskussi fosthom it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea.
Din hija sessjoni speċjali għal Malta dan hekk kif se jkun qed jingħata t-timbru finali lil diversi dossiers li sar qbil dwarhom tul il-Presidenza Maltija.
Dawn kienu l-kummenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ewropew, il-Ħamis.