Fl-ewwel impenn internazzjonali tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fakkret kif il-messaġġ ewlieni tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE kien li l-Unjoni tkun eqreb lejn iċ-ċittadini billi tindirizza l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Il-Ministru Caruana tkellmet fil-Laqgħa tal-Bureau Politiku tal-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi u Marittimi (CPMR) li saret fi Stavanger, in-Norveġja.
“Għalkemm l-ewwel impenn tagħna l-politiċi huwa li ntaffu l-effetti negattivi li jvarjaw mill-iżolament sa swieq iżgħar u spejjeż ikbar, reġjuni bħal tagħna għandhom ukoll opportunitajiet fejn tidħol l-enerġija rinovabbli u addattament għat-tibdil fil-klima,” qalet il-Ministru Justyne Caruana. Hija qalet li dawn l-opportunitajiet naslu għalihom permezz ta’ aktar kooperazzjoni u qsim ta’ informazzjoni u esperjenza.
Il-Ministru għal Għawdex fissret kif l-insularità ta’ gżejjer u reġjuni fil-periferija teħtieġ strateġiji integrati li jsaħħu gvernijiet reġjonali u jagħtu liċ-ċittadini tagħhom sens ta’ appartenenza permezz ta’ ċittadinanza attiva. “Infatti aspetti bħall-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali, l-aċċessibilità, is-suq wieħed Ewopew u l-iżvilupp sostenibbli f’kull qasam, huma l-għodod biex nilqgħu għall-isfidi u nsaħħu l-potenzjal ta’ reġjuni bħal tagħna,” saħqet il-Ministru Justyne Caruana.
Hija tenniet il-fehma tagħha li hemm reponsabbiltà kollettiva biex dan jitwettaq, permezz ta’ tfassil u implimentazzjoni tal-politika tal-UE li jtejbu l-ħajja u joħolqu opportunitajiet għal kulħadd, irrispettivament jekk joqgħodux fil-qalba jew fil-periferija tal-Ewropa. “Nisħaq dejjem kontra kull forma ta’ esklużjoni soċjali għax b’esperjenza personali naf li soċjetà b’saħħitha ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura. Persuni anzjani jew b’diżabilitàgħandhom jingħataw id-dinjità anki fil-qasam tax-xogħol biex ikunu kontributuri u mhux piż għall-komunità,” qalet il-Ministru Caruana.
Hija fakkret kif fil-qafas tal-futur tal-Ewropa li l-Kummissjoni Ewropea nediet iktar kmieni din is-sena, id-diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-Politika ta’ Koeżjoni għal wara l-2020 jassumu importanza vitali, fid-dawl tan-negozjati dwar Brexit. Hija sostniet li sa issa din il-Politika ssarfet fl-investiment ewlieni tal-UE biex tilqa’ kontra d-differenzi soċjali, ekonomiċi u territorjali madwar l-istess UE.
Il-Ministru Justyne Caruana temmet b’appell biex din il-Politika ta’ Koeżjoni għal wara l-2020 tkompli ssostni l-investiment li jindirizza l-bżonnijiet tar-reġjuni b’mod li jibqgħu bla mittiefsa l-valuri ewlenin tal-kooperazzjoni u s-solidarjetà. Sostniet ukoll kif l-esperjenza tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea uriet li pajjiżna u Għawdex bħala reġjun għandhom kontribut siewi x‘jagħtu f‘din l-aġenda.