Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li nħolqot kuntradizzjoni bejn id-drittijiet soċjali li l-UE tisħaq dwarhom, u l-għażla disponibbli biex tinkiseb il-kompetittivita` u t-tkabbir ekonomiku. Dr Sant qal li sar dubjuż jistgħux jibqgħu jeżistu flimkien it-tliet oġġettivi fundamentali tal-Unjoni Ewropea: politika tas-suq ħieles qalb iż-żieda tal-globalizzazzjoni u ż-żieda fl-oligarkiji; l-impenn favur aktar integrazzjoni Ewropea; l-impenn sħiħ biex jitħarsu d-drittijiet soċjali eżistenti fl-Ewropa.
“Sakemm din id-dilemma tiġi indirizzata b’mod sodisfaċenti, is-sentimenti tal-ansjeta` dwar il-valuri Ewropej se jibqgħu jiżdiedu,” qal Dr Sant meta tkellem dwar ir-rifondazzjoni tal-Ewropa ibbażata fuq il-valuri Ewropej.
Id-dibattitu sar wara ż-żieda f’sentimenti nazzjonalistiċi li jmorru kontra l-politika tal-UE taħt il-kappa tal-partiti tal-Lemin estrem li qed tisfida l-valuri pluralistiċi sekulari bażiċi tal-Unjoni Ewropea.
Dr Sant qal li t-tiftix intern tal-valuri Ewropej sar komuni għaliex mill-2008, il-valuri bażiċi dwar dak li kienet tissimbolizza l-Ewropa issa tilfu l-importanza tagħhom. Dawn il-valuri kienu jinkludu t-twemmin li l-Ewropa kienet tfisser sistema ta’ suq soċjali bbażata fuq suq ħieles waqt li tiggarantixxi d-drittijiet soċjali, fil-kuntest ta’ tkabbir ekonomiku u stabilita`.