Ton ottimist iktar mis-soltu fil-messaġġ li kiteb il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qabel jerġa’ jibda summit tal-mexxejja fi Brussell.
Dan hu l-aħħar summit taħt il-Presidenza Maltija.
Il-President Tusk innota kif minkejja li movimenti populisti kienu qed jieħdu ċertu popolarità u importanza fl-aħħar snin, fix-xhur li għaddew kien hemm riżultati inkoraġġanti fl-elezzjonijiet, fosthom fi Franza fejn il-populiżmu sofra telfiet kbar.
Tusk innota b’sodisfazzjon li l-Unjoni Ewropea qed tera’ tidher bħala soluzzjoni.
“Inkunu ġusti jekk ngħidu li se niltaqgħu f’ċirkostanzi differenti minn dawk tal-aħħar xhur meta l-forzi kontra l-Unjoni Ewropea kienu qed jiżdiedu,” qal Tusk li tkellem ukoll dwar l-isfida tal-immigrazzjoni.
Fil-fatt, għalkemm bħalissa Malta mhix tiffaċja l-istess pressjoni ta’ pajjiżi oħra reġa’ kien hemm żieda fin-numru ta’ immigranti llegali li marru lejn l-Italja permezz tar-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran u din hi kwistjoni li tibqa’ tħasseb il-mexxejja Ewropej.
Fil-fatt din hija waħda mi-temi fuq l-aġenda kif imħejjija mill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej f’Kunsill Ġenerali presedut mill-Ministru Helena Dalli.