Dis-sena, l-arti tal-moda u d-disinn u l-istorja rikka ta’ pajjiżna se jkunu mżewwġa flimkien matul is-sitt edizzjoni tal-ġimgħa tal-moda li qed tittela’ f’pajjiżna.
Il-Malta Fashion Week mistennija tkun waħda li tħabbatha sew ma’oħrajn li jittelgħu madwar id-dinja. Il-Fondazzjoni Valletta 18 se tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha biex il-Kapitali Maltija Valletta sservi ta’ vetrina ħalli l-aqwa talenti fl-industrija tal-moda, minn disinjaturi, mudelli, stilisti, fotografi u artisti tal-irtokk juru t-talenti tagħhom.
Il-Forti Sant Anġlu li reġa fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku Malti, ftit tax-xhur ilu, se jilqa ġo fih diversi attivitajiet marbuta mad-dinja tal-moda matul din il-ġimgħa kollha.
Is-Sibt filgħodu tul Triq ir-Repubblika u biswit it-teatru Rjal kienu mizgħuda bin-nies biex isegwu mill-qrib id-disinji il- ġodda tal-moda minn artisti varji.
Il-qofol tal-Malta Fashion Week jintlaħaq is-Sibt li ġej, fil-Forti Sant Anġlu filgħaxija għall-Chamilia Malta Fashion Awards 2016.
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien mal-Mercedes Benz Malta Fashion Week qed jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lil dawn l-artisti ħalli l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun oħra ta’ suċċess.