Riżenja fil-Vatika intliet b’mod immedjat minn Lawrence Gonzi. L-eks Prim Ministru Nazzjonalista ħa post Joseph Zahra, fil-kunsill amministrattiv tal-fondazjoni Centesimus Annus. Din hija entità tal-Vatikan li l-għan uffiċjali tagħha huwa li tippromwovi d-duttrina tal-Knisja Kattolika.
Ir-rivista Taljana Espresso tinnota li ċ-ċrikostanzi huma partikolari. Joseph Zahra, bankier u amministratur ta’ ditti kbar internazzjonali, jgawdi ċertu saħħa fil-Vatikan.
Kemm il-Papa Benedittu XVI u anke l-Papa Franġisku ħatruh viċi-kordinatur tal-Kunsill għall-Ekonomija tal-Vatikan; responsabilità kbira li permezz tagħha Zahra ħadem biex ikun hemm aktar attenzjoni lejn min jiġi magħżul bħala amministratur u delegati.
Fatt ironiku, meta tqis li lejn l-aħħar ta’ April 2016, Zahra irriżenja minn mill-kunsill tal-amministrazzjoni tal-bank Nemea, ibbażat hawn Malta, wara li l-Bank Ċentrali Ewropew intervjena u daqq l-allarm dwar irregolaritajiet kbar fil-mod li bih jitmexxa l-bank. L-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien ukoll wieħed mid-diretturi tal-bank online Nemea li l-fergħa Maltija kienet topera minn Portomaso f’San Ġiljan. F’Marzu 2017, il-Bank Ċentrali Ewropew irtira l-liċenzja tan-Nemea. L-Espresso jinnota li f’dak il-każ, l-involviment tal-konsulent tal-Papa ftit li xejn ingħatat attenzjoni.
Dan bl-istess mod li bih sentejn ilu, Zahra ħareġ ifuh minn skandlu li jinvolvi l-kummissjoni tal-Vatikan Cosea, li tagħha kien president. Cosea spiċċat fuq VatiLeaks, li permezz tagħhom spiċċaw ikkundannati monsinjuri Spanjoli, li kienu membri tal-kummissjoni.
Il-media Taljana tinnota li Lawrence Gonzi, li issa qed jieħu post Zahra, huwa politiku ta’ esperjenza kbira u parti mill-Partit Nazzjonalista. Fuq kollox, kien responsabbli mill-Gvern bejn l-2004 u l-2013, meta Zahra, ħabib personali tiegħu, kien maħtur f’diversi rwoli pubbliċi.