- Is-sitwazzjoni fl-2016 skont il-Europol
Għal sena oħra l-Unjoni Ewropea reġgħet kienet fil-mira ta’ numru ta’ attakki u theddid terroristiku minn militanti Iżlamiċi, kemm minn gruppi organizzati kif ukoll minn individwi. L-attakki fi Brussell, Nizza u Berlin li saru b’mod biex joqtlu n-nies bl-addoċċ u jweġġgħu kemm jista’ jkun, reġgħu urew il-ħsara li jistgħu jħallu l-militanti Iżlamiċi u l-effett li jridu jwasslu fuq ċittadini Ewropej. Ħsara li jipprovaw jiġġustifikawha billi b’mod selettiv jikkwotaw testi reliġjużi.
Dawn it-tip ta’ militanti, li ħafna drabi jissejħu tal-Jihad, jistgħu jkunu kemm membri tal-Istat Iżlamiku (IS) jew inkella influwenzati mir-retorika u l-ideoloġija. Rapport annwali tal-Europol dwar is-sitwazzjoni tat-terroriżmu fl-Ewropa kkonfermat kif qed ikunu użati firxa kbira ta’ armi. Tant li rajna mill-isplussiv fi Brussell għal vetturi jinstaqu fuq in-nies f’Nizza u Berlin.
Jirriżulta li filwaqt li kien hemm attakki pjanati b’mod meqjus, oħrajn saru b’mod spontanju. Ta’ malajr. Dawk li huma membri tal-IS huma l-iktar li jħejju attakki kumplessi bil-għan li jolqtu l-ħafna fi ftit ħin u b’mod effettiv.
Fil-mira normalment ikun hemm individwi jew gruppi li jirrappreżentaw valuri li jkunu meqjusa bħala mhux Iżlamiċi. Fil-mira kien hemm varjetà minn suldati u pulizija għal knejjes jew sinagogi. Ma naqsux li fil-midja jkun hemm attenzjoni partikolari speċjalment meta bħala parti mill-attakki jkunu ntlaqtu istituzzjonijiet internazzjonali bħal meta kienet attakkata Brussell, il-qalba tal-Unjoni Ewropea jew l-ajruport ta’ Zaventen, ajruport internazzjonali.
It-terroristi jinkludu kemm barranin li jkunu vjaġġaw lejn il-pajjiż kif ukoll residenti li jkunu kibru fil-pajjiż li jkunu attakkaw.
Ir-rapport tal-Europol juri kif l-Istat Iżlamiku mhux l-ewwel darba li sfrutta s-sitwazzjoni ta’ refuġjati li jkunu qed jaqsmu lejn l-Ewropa u juża wkoll immigranti li jkunu f’pajjiż Ewropew, forsi mhux b’tant futur, biex ikabbar il-bażi tiegħu. Hemm involuti wkoll it-tfal u n-nisa.
Intant, bin-numri l-gazzetta KullĦadd ħarset lejn uħud mill-konklużjonijiet tar-rapport.
142 – vittma mietu f’attakki terroristiċi s-sena li għaddiet
379 – persuna oħra weġġgħu
142 – Is-sena li għaddiet kien hemm dan l-ammont ta’ attakki jew attentati ta’ attakki terroristiċi. Fl-2014 kien hemm 226 attakk u fl-2015 kien hemm 211 u b’hekk komplew jonqsu dawn l-attakki
135 – Persuna nqatlu minn movimenti Iżlamiċi
76 – In-numru ta’ attakki li saru fir-Renju Unit. Li jfisser iktar minn nofs l-attakki
1002 – Arrestati b’rabta ma’ terroriżmu
718 – Minn dawk arrestati b’rabta mat-terroriżmu għandhom rabtiet ma’ gruppi militanti Iżlamiċi. Żieda qawwija mill-159 fl-2012. B’429 Franza rat l-ikbar numru minn dawn it-tip ta’ arresti.
20% – ta’ dawk involuti fl-attakki huma nisa
40% – tal-attakki ffinanzjati mill-kriminalità
291 – Fost dawk arrestati għandhom 25 sena jew inqas
580 – In-numru ta’ persuni li tressqu f’xi qorti Ewropea b’rabta ma’ attakki terroristiċi. Numru li żdied mill-513 fl-2015 u l-444 fl-2016
28 – Daqshekk kienet fi snin il-ħabs is-sentenza medja għal dawk li nstabu ħatja b’rabta ma’ terroriżmu fil-Greċja u l-Iżvezja