Il-Bord tal-Ippjanar ser jiddiskuti u jiddeċiedi jekk għandux jigi irtirat permess ta’ żvilupp li ngħata fuq sit protett ta’ Għar Għerduf fil-Kercem, Għawdex.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li f’Jannar li għadda, ngħata permess għall-iżvilupp biex tinbena terraced house fuq żewġ sulari. Meta l-applikazzjoni kienet qed tiġi pproċessata, id-Direttorat tal-Ippjanar ikkunsidra is-sit bħala żona arkeoloġika Klassi B.
Ir-rekords tal-Gvern juru li dan s-sit ta’ Għar Għerduf u ż-żona tal-madwar, sa 100m, kienu protetti bħala kategorija Klassi A f’Ottubru tal-2000. L-istess diskrepanza dehret fuq is-sistema elettronika tal-Awtorità li hija użata mid-Direttorat tal-Ippjanar meta jiġu evalwati applikazzjonijiet tal-iżvilupp.
Din id-diskrepanza ġiet innuttata wara li c-Chairman tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorita’ tal-Ippjanar, Johann Buttigieg, talab kjarifiċi dwar dan il-permess.
Fid-dawl ta’ din id-diskrepanza, qalet il-PA, hemm bażi biex jigi irtirat il-permess. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, se ssir investigazzjoni interna biex jigi magħruf kif u għaliex kien hemm din id-diskrepanza fis-sistema. L-Awtorità se tkun ukoll tmexxi audit dwar l-informazzjoni kollha li hija ppubblikata fuq l-istess sistema onlajn.