- Konferenza Ġenerali Straordinajra tal-Partit Laburista, il-Ħamis 13 ta’ Lulju
Il-Partit Laburista se jkun qed jilqa’ nomini għal ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament bejn nhar it-Tlieta, 20 ta’ Ġunju fl-10.00am u l-Ħamis, 22 ta’ Gunju fis-6.00pm, wara li din il-ħatra tħalliet vakanti mill-eks-Deputat Prim Ministru, Louis Grech.
Il-persuna maħtura f’ din il-kariga sservi ukoll bħala Deputat Prim Ministru.
Matul l-istess perjodu se jintlaqgħu nomini għal karigi kollha eletti tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, hekk kif mitluba mill-istatut tal-istess partit. Dawn huma l-karigi ta’ President, Viċi President, Segretarju Organizattiv u Segretarju Internazzjonali.
Barra minn hekk, irid isir vot sigriet ta’ fiduċja fil-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, u fid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Chris Cardona. Dan ukoll kif mitlub mill-istatut.
Il-votazzjonijiet se jsiru waqt Konferenza Ġenerali Straordinarja li se tibda titlaqqa’ l-Ħamis, 13 ta’ Lulju, fejn se jkun hemm diskors mill-Prim Ministru, li mistenni jniedi l-prioritajiet ta’ ħidma tal-Gvern Ġdid għall-ewwel parti ta’ din it-tieni leġislatura.
Dakinhar u l-għada, il-Ġimgha, 14 ta’ Lulju jsiru l-votazzjonijiet kollha.
F’każ li jkun hemm aktar minn 2 kandidati għal ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, u ħadd mill-kandidati ma’ jikseb 50%+1 tal-voti validi mitfugħa, issir votazzjoni oħra bejn iż-żewġ kandidati li jkunu kisbu l-ogħla numru ta’ voti l-għada s-Sibt, 15 ta’ Lulju.