Spiss nitkellmu fuq l-ispazju…nafu li llum tellajna fih mhux biss il-bniedem fuq il-qamar, u qed infasslu xi vjaġġi umani ghall-Mars, imma mlejnih ukoll bis-satelliti li bis-saħħa tagħhom qed nitkellmu bil-mobajl minn kullimkien fuq din il-pjaneta. Qed insegwu t-temp u naraw it-televizjoni ; sintendi barra li ħloqna xibka globali tal-Internet. Imsomma l-ispazju bejn il-pjaneti hu forsi l-uniku s’issa li għadu tassew pubbliku bla distinzjoni. Allaħares ma kienx hekk għax kieku stenna li jinqalgħu l-gwerer stellari.
Fuq din l-istess pjaneta tagħna (bil-Malti qatt ma sibna kelma għaliha) għandna spazji pubbliċi ikkontrollati bħall-ispazju tal-ajru li jużaw l-ajruplani biex imexxu t-trasport fis-sema. L-ispazji kbar immens fl-oċejani li jifirdu l-kontinenti huma spazji internazzjonali. Bħalhom hu ċertu tħaffir fil-fond li jista’ jolqot lil kulħadd għalkemm tidher għaddejja tiġrija siekta fl-Antartika għal min jidhirlu li għandu dritt fuq sejbiet futuri ta’ sorsi ta’ enerġija. Taħt il-kappa ta’ organizazzjonijiet mondjali n-nazzjonaijiet għandhom bosta trattati fuq kif dawn jiġu immaniġjati ; Malta tibqa’ magħrufa li qanqlet trattati ta’ ħarsien fuq qiegħ il-baħar u l-klima.
Spazju ikkontrollat
Kull pajjiż għandu wkoll l-ispazju pubbliku tiegħu. Dak l-ispazju li fih niltaqgħu per ezempju l-Belt jew madwar il-kosta biex nitkellmu, nistrieħu. Spazju essenzjali bejn id-djar li ngħixu fihom imlejnih bit-toroq biex ngħaddu t-traffiku, filwaqt li fi spazji aktar rilassati kabbarna ġonna u siġar biex inserrħu l-menti u niddekoraw l-ambjent. Aktar ma belt tkun ewlenija, bħall-kapitali, l-ispazju jieħu tifsira akbar u għalhekk spiss ikun ikkontrollat mill-awtoritajiet ċivili bħal kunsilli, dipartimenti, il-gvern centrali, l-Istat.
Kaz pożittiv ta’ dal-kontroll hi l-liġi li daħlet fis-seħħ il-Ġimgha 13 ta’ Mejju fejn il-kosta ta’ Malta fost oħrajn giet dikjarata dominju pubbliku u allura mħarsa mill-iskrutinju tal-Parlament.
Il-Belt Valletta per eżempju għandna spazji li fihom ħassejna li jkollna – bħal bosta bliet kapitali oħra fid-dinja – parti mill-istorja tagħna. Diversi binjiet ewlenin bħall-bereġ u l-palazz jokkupaw spazji prominenti li bosta drabi jirriflettu awtorità. Il-proġett ta’ Piano min-naħa l-ohra kien isib postu aktar stupend kieku, ma’ daħlet il-Belt kien hemm aktar spazju n-naħa ta’ ġewwa.
Spazju għan-nifs
Jifdal spazju ieħor li kulma jmur – l-aktar minħabba c-cokon tagħna – qed nipperikolaw li nitilfu.
Dan hu l-ispazju li għandna bżonn biex nieħdu n-nifs, biex noħorgu għall-beraħ, biex nonxru, biex inħallu x-xemx tilħaqna mqar ftit kuljum, biex ma nħossuniex qed naqgħu fuq xulxin.
Dan l-ispazju hu importanti. Meta kont il-Liceo nistudja l-arti mal-famuż Esprit Barthet niftakar kien jgħallimna li fid-disinn, fl-arti l-ispazju trid tagħti kazu daqs dak li qed tpinġi. Fuq il-karta, fuq it-tila trid dejjem tħares lejn l-ispazji li qed jifdal, mhux biss is-suggett li għandek quddiemek. Kellu ragun biex ibiegħ.
Hawn forsi fejn qed ninsew li dan l-ispazju – dejjem vittma tal-bini – għandu jiġi mhares għal uliedna. Malta żgħira wisq – għalhekk l-art tiswa l-flus – u bla dubju aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar se jkollna bżonn nimxu vertikalment – ‘ il fuq jew ‘l isfel – għax fil-ġnub mhemmx fejn, inkella naqgħu fl-ilma. Postijiet ġa mibnija, bħal tas-Sliema, kellhom kważi bilfors jgħollu…imma fejn hu l-limitu ? Tas-Sliema qed jissemmew bini ta’ 40 sular f’nukleju ġa saturat bil-bini, b’toroq dojoq u densament ippopolat. Kieku kellu jseħħ, barra t-tniġġiz tal-arja, se noħolqu konġestjoni kbira ta’ traffiku li ma jkunx jista’ jitħarrek.
Spazju taħt l-art
Fl-għerf tagħna li nsibu dejjem mnejn ngħaddu qed nikkunsidraw trasport taħt l-art ? Tajjeb ħafna li qed titħejja mina li tgħaqqad il-Port il-Kbir ma’ Marsamxett imma ara kemm hemm aktar traffiku bejn tas-Sliema u l-Belt.
Bħalma qed isiru studji fuq kommunika bejn Malta u Ghawdex x’qed nagħmlu biex nippruvaw innaqqsu dak it-traffiku kollu li ta’ kuljum irid jgħaddi mill-Imsida, ukoll meta jitla’ l-bahar ?
Qatt hsibna kif ngħaqqdu l-Gżira jew ta’ Xbiex mal-Belt u nevitaw l-Imsida ? Tista’ tkun monorail, pont jew mina biex noħolqu metro.
Fi żmien meta avvanzajna fit-teknoloġija, meta l-ispejjeż enormi jistgħu jiġu mgħejjuna mill-Unjoni Ewropea u meta l-gvern qed juri enerġija impressjonanti għal dat-tip ta’ proġetti innovattivi, ta’ min jimbotta l-parametri ta’ dil-blata ?
Billboards
U xtaqt nagħlaq bir-ritratt tal-gimgħa fuq il-famużi billboards, dawk il-kartelluni goffi li nsibu mixħutin fit-toroq tal-arterji ewlenin f’pajjiżna. M’hemm xejn hażin li toħloq spazji kbar biex tirriklama (naqbel li slogans politiċi nerfgħuhom qrib l-elezzjonijiet) imma kemm se ndumu ma naġġornaw ruħna u nsiru pari passu mal-Ewropa, fejn donnha hemm dinja ohra ? Bħali kulhadd isiefer. Naħseb rajtu bilboards moderni, elettroniċi. Malta ġa bdew deħlin u nsibu ftit minnhom ‘l hawn u ‘l hinn.
Hemm bżonn neħilsu minn dik il-guffaġni ta’ dawk sorġuti fl-art bi blokok koroħ tal-konkrit u vireg goffi.
L-elettroniċi attraenti ilhom li stabillew ruħhom fl-ibliet ewlenin barra minn Malta mis-snin tmenin. Possibli ma nistgħux nagħmlu qabża ohra fil-kwalità u nibdew ninvestu fihom? Transport Malta ġa introduċiet l-elettronika b’avvizi propizji (għalkemm ta’ Jum l-Omm kienu ftit infantili).
Nistgħu nimxu ftit iżjed u nibżgħu għad-dehra tal-ambjent bħal ma jidher f’dar-ritratt meħud Pariġi ftit ilu? Innutaw kemm kartellun kbir jidħol preciz fil-veduta bla ma juri truf goffi ta’ xi struttura li ttellef il-gost kollu estetiku tal-messaġġ. Il-metodu li nużaw bosta drabi jiddomina fuq il-messaġġ innifsu, kliem il-medjologu Marshal McLuhan.