Anzjan ittieħed l-isptar wara li allegatament telqul l-brejkijiet tat-trakk li kien qed isuq b’konsegwenza li baqa’ dieħel f’vettura oħra fil-Belt Valletta.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-15:45 fi triq St. Marks fil-Belt Valletta fejn allegatament is-sewwieq tat-trakk, anzjan ta’ 71 sena residenti r-Rabat, telqulu l-brejkijiet tal-vettura bil-konsegwenza li baqa’ nieżel in-niżla kollha fejn eventwalment kellu mpatt ma’ vettura oħra tat-tip Fiat misjuqa minn raġel ta’ 36 sena residenti Ħal Qormi.
Fuq il-post issejħet ambulanza u kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex joħorġu lis-sewwieq mill-vettura.
L-anzjan ittieħed b’ambulanza l-isptar Mater Dei. Il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa.