Raġel li seraq minn residenza fil-Mellieħa tliet snin ilu intbagħat tmien xhur ħabs wara li nstab ħati mill-Qorti b’rabta ma’ serq.
Dan minkejja li qal li kien qed jakkumpanja lil sieħbu fuq qadja u għalhekk ma kienx involut.
Francis Formosa, ta’ sitta u erbgħin sena minn Burmarrad, instab ħati b’kompliċita minn din is-serqa fi Triq il-Qortin. Sieħeb Formosa kien ammetta l-akkużi u ntbagħat sentejn ħabs.
Fost id-dikjarazzjonijiet li għamlu l-verżjoni tal-akkużat mhux kredibbli kien hemm dik li hu ddobba rikba mingħand ħabib tiegħu, imma mbagħad irriżulta li kien hu wara l-istering tal-karozza meta nqabdu mill-membri tar-Rapid Intervention Unit.
Kollox indika li l-akkużat kien qed jistenna lil sieħbu joħroġ bl-affarijiet misruqa.