“L-Unjoni Ewropea timmira li tgħaqqad in-nies flimkien u tagħmel il-ħajja tagħhom iktar faċli. It-tmiem tat-tariffi tar-roaming hija tassew storja Ewropea ta’ suċċess.
Minn issa ’l quddiem, ċittadini li jivvjaġġaw fl-UE se jkunu jistgħu jċemplu, jibagħtu messaġġi u jaqbdu bil-mobile tagħhom bl-istess prezz bħalma jħallsu f’pajjiżhom. L-eliminazzjoni tat-tariffi tar-roaming hija waħda mill-ikbar u l-iktar suċċessi tanġibbli tal-UE.
Matul l-aħħar 10 snin, l-istituzzjonijiet tagħna ħadmu qatigħ flimkien biex isewwu l-falliment ta’ dan is-suq. Kull darba li ċittadin Ewropew qasam fruntiera Ewropea, jekk hux għal vaganza, xogħol, studju jew anke għal ġurnata, dan kellu jinkwieta dwar l-użu tal-mobile u l-kont għoli minħabba t-tariffi tar-roaming ladarba jmur lura f’pajjiżu. It-tariffi tar-roaming issa saru xi ħaġa tal-passat. Minn għada, inti se tkun tista’ tibqa’ konness man-netwerk waqt li tivvjaġġa fl-UE bl-istess prezz ta’ pajjiżek.
It-triq kienet twila u kien hemm ħafna atturi involuti. Billi ħdimna mill-qrib flimkien , l-Unjoni Ewropea kisbet riżultat konkret u pożittiv għaċ-ċittadini Ewropej. Aħna kburin li l-UE temmet it-tariffi għolja ħafna tar-roaming u nirringrazzjaw lil dawk li wrew spirtu ta’ determinazzjoni biex negħlbu l-ħafna sfidi u biex naħdmu għal dan il-għan.
Fl-istess ħin, l-UE rnexxielha tikseb bilanċ ideali bejn l-eliminazzjoni tat-tariffi tar-roaming u l-bżonn li jinżammu pakketti domestiċi tal-mobile kompetittivi u attraenti. L-operaturi kellhom sentejn biex jippreparaw għat-tmiem tat-tariffi tar-roaming u aħna kunfidenti li se jaħtfu l-opportunitajiet li jġibu magħhom ir-regoli l-ġodda għall-benefiċċju tal-klijenti tagħhom.
It-tmiem tat-tariffi tar-roaming jinsab fil-qofol tas-Suq Uniku Diġitali tal-UE u jirrappreżenta pass ieħor lejn il-bini ta’ soċjetà Ewropea diġitali magħquda, sostenibbli u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tagħna.”