Id-djalogu soċjali huwa kruċjali biex isiru riformi soċjali u ekonomiċi importanti. Qal dan Dr Aaron Farrugia, Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali, meta kien qed jitkellem fil-106 edizzjoni tal-Konferenza Annwali tal-Organizazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-Iżvizzera. Miġbura flimkien kien hemm gvernijiet, għaqdiet ta’ min iħaddem u rappreżentanti tal-ħaddiema u t-tema ta’ xogħol diċenti kienet fiċ-ċentru tad-diskussjoni.
Hawn Farrugia seta’ jitkellem dwar kif Malta serviet ta’ eżempju ta’ prosperità bi skop. “Iktar ma jkun hemm kundizzjonijiet ta’ xogħol tajbin, iktar il-ħaddiem jista’ jwassal għas-suċċess tal-ekonomija u l-industrija li jaħdem fiha,” qal Farrugia. Żied li l-għan għandu jkun li jintlaħqu l-prosperità ekonomika u soċjali flimkien għaliex huma marbuta waħda mal-oħra.
Quddiem delegati minn madwar id-dinja Farrugia seta’ jiftaħar bl-eżempju Malti u s-suċċess li pajjizna kiseb. Tenna li t-tkabbir ekonomiku u l-inqas rata ta’ qgħad ma ġewx mix-xejn iżda, kienu frott ta’ deċiżjonijiet li raw tnaqqis fit-taxxi, saħħew l-investiment u daħlu miżuri li għamlu l-industrija iktar kompettitiva.
Hawn imbagħad tkellem dwar id-dimensjoni soċjali bil-gvern Malti jkun fost dawk li ntroduċa fost l-iktar miżuri b’saħħithom favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u mizuri birex iktar nies jidhlu fid-dinja tax-xoghol, niggieldu l-prekarjat u jinholqu impjiegi godda ta` kwalita. “Jekk irridu ekonomiji sostenibbli irridu nassiguraw li ħadd ma jaqa’ lura,” qal Farrugia li tkellem ukoll dwar prinċipji fundamentali u d-drittijiet fuq il-post tax-xogħol. Finalment semma lil Malta bħala l-eżempju ta’ kif wieħed għandu jara li x-xogħol ikun iħallas (making work pay) u għalhekk wieħed ikun jaqbillu jaħdem.
Dan kien l-ewwel impenn uffiċjali barra minn Malta għal Farrugia kemm ilu fil-kariga.