It-Tlieta, il-Qorti bdiet tisma r-rikors li l-Partit Laburista fetaħ dwar iż-żewġ siġġijiet żejda li l-Kummissjoni Elettorali tat lill-Partit Nazzjonalista.
Il-partit Laburista qed jargumenta li dan m’għandux isir għax fil-Parlament hemm it-tielet Partit Politiku u għalhekk ma japplikax il-mekkaniżmu li jitħaddem meta jkun hemm żewġ partiti.
Wara s-sottomissjonijiet li saru issa l-Qorti trid tiddeċiedi jekk il-Partit Demokratiku għandux ikun inkluż f’ din il-kawża.
Filwaq li laqgħet it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex huwa u ż-żewġ deputati Carm Mifsud Bonnici u Fredrick Azzopardi jigu msejjħa fl-istess kawża. Kien il-Kap tal-Opożizzjoni li għamel rikors biex jipparteċipa l-Partit Nazzjonalista, liema rikors gie aċċettat mill-Qorti.
Kien l-Avukat Pawlu Lia li qed jidher għall-Partit Laburista talab li jigi msejjaħ fil-kawża l-Partit Demokratiku minħabba l-parteċipazzjoni u s-sehem tiegħu fl-elezzjonijiet ġenerali la darba l-Partit Nazzjonalista ser ikun qed jipparteċipa f’ din il-kawża.
Iżda, il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Paul Borg Olivieri oġġezzjona għax qal li għal fini elettorali l-Partit Demokratiku m’għandu ebda skop. Il-Partit Laburista argumenta li huwa ċar li ż-żewġ partiti huma distinti u dan jirriżulta anke mill-ftehim li sar qabel l-elezzjoni ġenerali.
Il-Qorti minn naħa tagħha ddeċidiet li tkompli tisma din il-kawża nhar il-Ħamis u kif ukoll qalet li trid tisma xi provi għandhom il-partijiet fuq il-punti li gew diskussi sa issa. Il-Qorti kostituzzjonali hi preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri.