Raġel Bulgaru indarab gravi wara li ntlaqat minn vettura f’Birkirkara
L-inċident seħħ illum, għall-ħabta tal-11:15 ta’ dalgħodu fi Triq Mannarino, Birkirkara.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar, irriżulta li Bulgaru ta’ 27 sena li jirrisjedi San Pawl il-Baħar ntlaqat minn vettura Suzuki Swift, misjuq minn mara ta’ 53 sena, residenti Ħal Balzan.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.