Minn stħarrig ikkumissjonat mill-MIA u l-MHRA fost 64 sid ta’ ristorant dwar il-prestazzjoni ekonomika tagħhom tul ix-xitwa li għaddiet, irriżulta li fil-maġġoranza assoluta tagħhom, ir-ristoranti kellhom iktar kummerċ.
55% tar-ristoranti raw żieda fl-attività ekonomika tagħhom meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet, 8% rrappurtaw l-istess ammont ta’ dħul, filwaqt li 37% irrappurtaw tnaqqis fid-dħul tagħhom.
Is-sidien tar-ristoranti rrappurtaw żieda globali ta’ 4% fil-qliegħ tagħhom fix-xhur xitwin ta’ din is-sena meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Filwaqt li esperjenzaw tnaqqis ta’ 3% fl-ispejjeż tal-operat tagħhom u żieda ta’ 1% fil-pagi.
Ħarsa lejn il-lokalitajiet turi kif ir-ristoranti fin-naħat kollha ta’ Malta irregistraw iktar attività ekonomika minn snin preċedenti. Bl-ikbar żieda tkun irregistrata fil-Qawra u San Pawl il-Baħar, wara l-Belt Valletta umbad l-Imdina.
Għaldaqstant jidher li avvenimenti internazzjonali li qed isiru f’pajjiżna fix-shoulder months bħal Lost and Found fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta u attivitajiet kulturali oħra fil-Belt Valletta qed iħallu l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija lokali.