Adreana Zammit – ġinnasta ewlenija Maltija li fil-passat sofriet minn injury serja li impedixxietha milli tkompli tipprattika dan l-isport li tant tħobb, iżda mhux milli tkompli tittrażmetti l-imħabba li għandha lejn dan l-isport, permezz tal-coaching fosthom mal-atleti li tant tgħożż tal-iSpecial Olympics.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-ġinnastika?
L-imħabba tiegħi għall-ġinnastika nibtet meta kelli bejn 7 u 8 snin, waqt il-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika l-iskola. Bdejt nieħu interess qawwi meta nipprattikaw il-ġinnastika u għalhekk saqsejt lil ommi tibgħatni xi lezzjonijiet li kienet toffri l-iskola stess wara l-ħin tal-iskola. Xi ftit xhur wara li kont bdejt dawn il-lezzjonijiet, kienet l-għalliema li avviċinat lil ommi u qaltilha li kelli talent fl-isport u kien ikun ta’ ġid għalija kieku ngħaqadt ma’ klabb tal-ġinnastika aktar professjonali għax fi ftit xhur kien irnexxielha tgħallimni dak kollu li setgħet bl-apparat limitat li kellha. Minn hemm mort il-Gymstars Gymnastics Club, fejn ġurnata wara l-oħra sirt inħobb l-isport aktar u aktar. Wara sentejn, intgħażilt mal-“elite” team, immexxi dak iż-żmien minn Mr Plamen Angelov Peynov u Ms Antonina Djurova, fejn bdejt nittrenja bejn tlieta u erba’ sigħat kuljum, sitt darbiet fil-ġimgħa, u bqajt f ’dan l-istess tim sat-tmiem tal-karriera tiegħi.
Liema huwa l-aktar unur f ’dan l-isport li jibqa’ għal qalbek?
Ftit jiem wara li għalaqt it-13- il sena, ikkwalifikajt biex nikkompeti fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, f ’Ċipru fl-2009. Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi nikkompeti għal Malta, u kienet ferm aktar speċjali għaliex kont l-iżgħar atleta fil-kontinġent Malti u għalhekk intgħażilt biex inġorr il-bandiera Maltija fiċ-ċerimonja tal-ftuħ. Din weħidha kienet waħda mill-akbar unuri li kelli fil-karriera tiegħi, għaliex ma ninsa qatt l-emozzjonijiet li ħassejt meta ħriġt f ’dak l-istadium, mimli b’eluf ta’ nies u kont fortunata biżżejjed biex immexxi lill-kontinġent Malti. Dawn il-logħob kienu memorabbli wkoll għalija għaliex flimkien ma’ Kirsty Caruana u Nicole Pace, konna rbaħna l-midalja tal-bronż bħala tim. Din kienet l-ewwel midalja għal Malta fl-istorja tal-ġinnastika għan-nisa.
U fost l-unuri li rbaħt barra minn Malta, x’tirrakkonta?
Wara l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, erġajt irrappreżentajt lil Malta diversi drabi, fosthom fil-Jeux des Iles 2011 u 2012, fi Sqallija u Sardenja fejn irbaħt diversi midalji individwalment u bħala tim, Youth Commonwealth Games flIsle of Man 2011 fejn spiccajt fil-15-il post, erġajt mort il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2013 fil-Lussemburgu u fl-aħħar spiċċajt il-karriera bil-Commonwealth Games fi Glasgow 2014.
Il-ġinnastika huwa sport li jinvolvi diversi injuries? Jekk iva, għaliex?
Biex wieħed jirnexxi fil-ġinnastika, idealment jibda jipprattika l-isport ta’ età żgħira u għal tul ta’ sigħat kuljum. Wara diversi snin tuża kull muskolu tal-ġisem u snin tistrapazza l-ġisem, huwa normali li jibdew jitfaċċaw diversi injuries. Apparti minn hekk, jien inqis il-ġinnastika bħala sport li jitfa’ ħafna piż fuq l-atleta kemm fiżikament, kif ukoll mentalment. Jirrikjedi li l-atleta tkun ikkonċentrata waqt kull sekonda tat-taħriġ, u jekk din titlef il-konċentrazzjoni, hawnhekk sfortunatament tiżdied il-probabilità tal-injuries.
Ninsab konxja mill-fatt li waqt li kont qed tipprattika dan l-isport fil-passat riċenti sofrejt minn injury li impedixxietek milli tkompli tipprattika dan l-isport. Kif ħadtha din l-aħbar?
Madwar tliet snin ilu, meta bdejt il-preparamenti għall-Commonwealth Games ġewwa Glasgow, beda jtini uġigħ f ’dahri. Wara ftit ġimgħat meta ma flaħtx nissaporti aktar l-uġigħ, mort inżur it-tabiba u għall-ewwel deher li ġbidt il-ligament, wara li ħadt X-Ray li ma kien jidher li m’hemm xejn ħażin. It-tabiba qaltli li l-uġigħ ma kienx ser jgħaddi sakemm nieqaf u nistrieħ, iżda jien kont determinata li nkompli għaddejja bit-taħriġ biex nipprova nikkwalifika għall-Commonwealth Games u bit-tama li nasal biex nikkompeti f ’dawn il-Logħob tant prestiġjużi, imbagħad nistrieħ wara li jkun għadda kollox.
Bqajt għaddejja bit-taħriġ filwaqt li kont immur għand fiżjoterapista kuljum biex jgħin itaffili l-uġigħ, u għalkemm dan kien ta’ għajnuna, l-uġigħ xorta baqa’ jippersisti. Ġimagħtejn qabel il-Logħob, it-tabiba xtaqet li tkun ċerta mill-injury u għalhekk ordnatli MRI biex tara aktar fid-dettall x’kienet il-problema eżatt, u minn dan irriżulta li kelli rukkell li kien kemm kemm imqabbeż iżda kont aċċertata li din ma kinitx problema kbira u stajt nibqa’ għaddejja bil-ġinnastika.
Il-logħob ġewwa Glasgow damu ġimagħtejn, u l-kompetizzjoni tagħna kienet matul it-tieni ġimgħa. Waqt l-ewwel ġimgħa, dahri bdejt in- ħossu jmur lura, kuljum kont qed inkun aktar muġugħa mill-ġurnata ta’ qabel u għalhekk it-tabiba ordnatli MRI oħra filgħodu qabel l-ewwel ġurnata tal-kompetizzjoni. Mort għall-MRI u wara dritt għall-arena biex nibdew il-kompetizzjoni. Dakinhar kienet l-ewwel ġurnata li bdejt inħossni tajba ħafna, kemm konna ilna Glasgow.
Ħassejt li kont ħa nagħti performance tajba ħafna iżda fl-aħħar ftit minuti tal-warm up ħassejt uġigħ qawwi f ’dahri u nstabatt mal-art. Bilkemm flaħt nimxi dak il-ħin. Għalkemm il-kowċ u t-tabiba kienu xettiċi ħafna dwar jekk kellix nikkompeti, jiena ħadt id-deċiżjoni li nipprova, għaliex din kienet l-akbar ħolma li kelli fil-karriera tal-ġinnastika u ma xtaqtx inpoġġi bilqiegħda u ma nipparteċipax. Għalkemm ippruvajt nikkompeti, bdejt fuq l-apparat il-vault u waqajt fuq irkupptejja għax ma kellix biżżejjed saħħa biex niġri u nagħmel l-iskill kif suppost.
Hemmhekk il-kowċ u t-tabiba ddeċidew li kien ikun aħjar jekk nirtira mill-kompetizzjoni dakinhar sakemm ikunu ċerti li stajt inkompli, u għalhekk ma kkompetejtx fuq il-bars. Dakinhar filgħaxija erġajt ħadt MRI oħra u mort għat-trattament. L-għada bl-għajnuna tal-pain killers, irnexxieli nikkompeti fuq il-beam u l-floor u għalhekk qtajt xewqti, anki jekk ma kontx fl-aħjar tal-abilità tiegħi. Iżda wara l-kompetizzjoni ġiet l-aħbar li żgur ma kontx qed nistenna.
L-għada tal-kompetizzjoni, meta mort nistaqsi lit-tabiba kemm kien ser ikolli żmien ta’ riabilitazzjoni, it-tweġiba kienet li din kienet problema li ma tirranġax għaliex sabu li kelli problema f ’żewġ rukelli f ’dahri u għalhekk kienet tkun ta’ periklu kbir jekk inkompli l-ġinnastika. Ovvjament, wara tmien snin nipprattika l-ġinnastika bejn tlieta u erba’ sigħat kuljum, din kienet waħda mill-aktar aħbarijiet koroh li stajt nirċievi. Kien żmien emozzjonanti ħafna għalija, fejn bilkemm kont niflaħ inkellem lil ħadd mingħajr ma ninfaqa’ nibki. Kont ingħalaqt fija nnifsi u ntlejt b’ħafna nervi.
Wara din l-injury int illum il-ġurnata tista’ tippratika xi tip ta’ sport ieħor? Għaliex?
Skont il-pariri tat-tobba, peress li l-injury ħarġet meta kelli biss 18-il sena, filwaqt li normalment “slipped disc” hija aktar komuni ħafna aktar tard fil-ħajja tal-bniedem, ikun ideali jekk jiena kemm jista’ jkun ma nistrapazzax ġismi bla bżonn sabiex nevita li jkolli nagħmel operazzjoni fil-viċin u kemm jista’ jkun intawwal iż-żmien. Għalkemm hemm xi eżerċizzji li nista’ nagħmel li jgħinuni biex insaħħaħ il-muskoli tal-madwar u għalhekk ngħin lili nnifsi, hemm ħafna eżerċizzji u movimenti li rrid nevita. Ftit wara li kont waqaft mill-ġinnastika kont ippruvajt l-indoor shooting, peress li dan ma kienx ħa jkollu impatt fuq dahri, iżda ovvjament huwa ferm differenti mill-ġinnastika, fejn kont imdorrija niċċaqlaq u naqbeż ħafna, u għalhekk ħassejt li kien wisq sport monotonu għalija.
Illum il-ġurnata għadek involuta fil-ġinnastika forsi permezz tal-coaching jew qtajt mill-isport għal kollox?
Illum il-ġurnata jiena bqajt involuta fil-ġinnastika bħala kowċ. Ngħallem kuljum mit-Tnejn sas-Sibt fuq bażi part-time waqt li għadni qed nistudja l-Università, kif ukoll nagħti ħin volontarju mal-atleti tal-iSpecial Olympics biex ngħallimhom il-ġinnastika.
Kif irnexxielek tkompli tħares ’il quddiem wara li sofrejt din l-injury serja?
Kien l-iSpecial Olympics li wassalni biex nirritorna għall-ġinnastika. Meta kont għadni nitħarreġ, fl-istess gym kienu jitħarrġu wkoll l-atleti tal-iSpecial Olympics. Minn dejjem kienu tfal marbutin ma’ qalbi u dejjem kont nipprova ngħinhom kif nista’ u nurihom xi affarijiet, u għalkemm kienet xewqa tiegħi li nkun nista’ nagħtihom aktar ħin, dan ma kienx possibbli għaliex konna nitħarrġu fl-istess ħin.
Seba’ xhur wara li waqaft mill-ġinnastika kont iltqajt ma’ omm Annemarie u Matthew, atleti tal-iSpecial Olympics, u konna qbadna nitkellmu fuq il-bżonn li kien hemm għall-kowċis biex jgħallmu lil dawn it-tfal. Jien mal-ewwel qbadt nuri interess u niftakar li vera kont fraħt meta qaltli li t-tfal kienu staqsew għalija u xtaquni mmur ngħinhom. L-għada ċemplitli ommi u kumbinazzjoni kienet iltaqgħet ma’ Enrique, atleta ieħor tal-iSpecial Olympics.
Enrique kien kellimni fuq il-mowbajl u saqsieni meta kont sejra biex ngħallimhom. Kien dak il-ħin li ddeċidejt li nibgħat lill-head coach, Elaine Genovese, biex insaqsiha jekk nistax nibda mmur magħhom għas-sezzjonijiet ta’ taħriġ u nagħti l-għajnuna tiegħi mill-esperjenza li kelli. Issa ili fuq sentejn li ngħaqadt mal-familja tal-iSpecial Olympics u nista’ ngħid li mnalla kienu dawn it-tfal għalija għaliex reġgħu ġibduni lura lejn il-ġinnastika u fakkruni fl-imħabba kbira li għandi għall-isport.
It-tbissima fuq l-uċuh ta’ dawn it-tfal kienet biżżejjed għalija biex nitfa’ dak kollu li għaddejt minnu warajja, u ngħin lil dawn it-tfal għaliex bla dubju għandhom ħajja ferm aktar diffiċli minn tiegħi u m’hemm xejn isbaħ milli tferraħ lil ħaddieħor.
Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u/jew żgħażagħ li jixtiequ jibdew jipprattikaw xi sport u l-importanza tal-isport fl-iżvilupp ħolistiku tagħhom.
Il-parir li għandi jien għat-tfal u ż-żgħażagħ huwa li m’hawn xejn iżjed importanti milli żżomm lilek innifsek attiv biex tkun b’saħħtek fiżikament u mentalment. L-isport huwa għal kulħadd u tant hemm affarijiet differenti x’tipprova li xi ħaġa ħa togħġbok żgur.
Jiena dejjem ngħid li għalkemm kien l-isport li wassal għall-injury tieghi, ma jiddispjaċini xejn fuq il-ħin li investejt fil-ġinnastika għax minn hemm bnejt il-karattru sod li għandi llum u tgħallimt ħafna aktar affarijiet minbarra l-ġinnastika, bħal: sagrifiċċju, dixxiplina, kif inqassam il-ħin tiegħi sew, kif naħdem bħala tim, ir-rispett u ħafna kwalitajiet importanti oħra.
Messaġġ ieħor li nixtieq ngħaddi huwa lill-ġenituri. Jien kont fortunata biżżejjed li twelidt ġewwa familja sportiva, fejn il-ġenituri tiegħi dejjem tawni s-sapport kollu tagħhom biex nimxi ’l quddiem kemm fl-iskola u anki fl-isport.
Qatt ma ġegħluni nagħżel bejn skola jew sport, jew ġegħluni nagħti importanza lil wieħed aktar mill-ieħor għax fiehmu li t-tnejn kienu ta’ importanza ekwivalenti fl-iżvilupp ħolistiku tieghi. Illum il-ġurnata ninstab fit-tielet sena fil-kors tal-liġi filwaqt li ngħallem il-ġinnastika kuljum bħala xogħol part-time kif ukoll bħala passatemp u mezz ta’ rilassament.
Dan ma kienx ikun possibbli kieku ma kienx għall-ġenituri tiegħi, li dejjem għamlu minn kollox għalija u għal oħti u tawna s-sapport kollu tagħhom.
Nixtieq nagħlaq billi mill- ġdid nirringrazzja lill-familja tal-iSpecial Olympics, u nħeġġeġ lill-isportivi kollha biex jiddedikaw ftit mill- ħin tagħhom għall-kawża daqshekk importanti, biex ngħallmu u nferrħu lil dawn it-tfal speċjali.