Iċ-ċirku ta’ terroristi li wettqu l-attakk fuq il-bridge ta’ Londra pruvaw jikru trakk ikbar. Dan qalitu l-Pulizija li kixfet kif it-terroristi kienu qed jippjanaw li jwettqu attakk terroristiku ferm akbar minn dak li wettqu.
Kienu tlieta l-irġiel li saqu għal fuq in-nies f’Londra fil-lejl tat-3 ta’ Ġunju qabel ma taw daqqiet ta’ sikkina lil numru ta’ nies li kienu f’restoranti u stabbiliment ta’ divertiment. Fil-fatt inqatlu tmien persuni u t-tliet terroristi ġew maqtula mill-Pulizija. Il-Kap ta’ dan iċ-ċirku, Khuram Butt, prova jikri trakk ikbar onlajn fit-3 ta’ Ġunju iżda ma provdiex id-dettalji tal-pagament onlajn meta ġew mitluba. Minflok huwa kera vann Renault dakinhar filgħaxija, permezz ta’ mobajl li beda jintuża riċentament.
Għalhekk, l-attakk terroristiku maħsub kellu jkun bħal attakki oħra simili li saru fl-Ewropa u li kkawżaw numru akbar ta’ imwiet. Fosthom, l-attakk li sar f’Niċċa fi Franza meta Mohammed Lahouaiej Bouhlel qatel 86 persuna wara li saq fuq folla kbira f’Jum Bastilja f’Lulju li għadda. F’Berlin, Anis Amri saq għal fuq suq tal-milied bi trakk u qatel tnax-il persuna.