Lucas Markham u Kim Edwards huma maħsuba li huma l-iżgħar qattiela fir-Renju Unit. Dan wara li Kim ikkonvinċiet lil Lucas biex joqtlu lil ommha u oħtha f’darhom fi Spalding, Lincolnshire. Iż-żewġt itfal għandhom biss erbatax-il sena.
Meta sar id-delitt il-Qorti kienet ordnat li isem it-tfal ma jixxandarx iżda wara li t-tnejn għaddew ġuri, tliet Imħallfin neħħew dawn ir-restrizzjonijiet u għalhekk l-ismijiet tagħhom ħarġu fil-pubbliku.
Markham u Edwards huma mistennija li jiskontaw sentenza ta’ 17-il sena ħabs kull wieħed għall-qtil ta’ Elizabeth Edwards ta’ 49 sena u bintha Katie ta’ 13-il sena. Huma nqatlu minn Markham b’daqqiet ta’ sikkina f’għonqhom wara li Edwards ikkonvinċitu li ma kienx jistħoqqilhom aħjar għax l-omm u l-bint kien ikollhom xi jgħidu spiss.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li wara li qatlu lill-omm u t-tifla, huma għamlu 36 siegħa jiċċelebraw, iwettqu atti sesswali u jaraw il-films.