Il-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi nħatret bħala rapporteur għar-Rapport tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet dwar l-Attivitajiet Annwali tal-Ombudsman Ewropew. Din hija t-tieni ħatra uffiċjali ta’ Marlene Mizzi bħala kelliema tal-S&D dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman.
L-Ombudsman Ewropew huwa korp indipendenti u imparzjali li jara li l-amministrazzjoni tal-UE tinżamm responsabbli billi jinvestiga l-ilmenti taċ-ċittadini dwar in-nuqqasijiet u l-każi ta’ amministrazzjoni ħażina tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji Ewropew. Fir-Rapport Annwali għall-2016, l-Ombudsman Ewropew saħaq dwar l-importanza tat-trasparenza tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-kunflitti ta’ interess tal-uffiċjali pubbliċi tal-UE, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess li bih jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE, u d-drittijiet fundamentali bħala l-aktar affarijiet li jħassbu liċ-ċittadini.
Waqt skambju ta’ fehmiet mal-Ombudsman, l-MPE Marlene Mizzi laqgħet ir-Rapport ta’ din is-sena u appoġġjat bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Ombudsman biex jgħaqqad flimkien il-ħidma tal-istituzzjonijiet u l-korpi, il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE u l-isfidi kurrenti li qed tiffaċċja l-UE bħall-kriżi tal-qgħad, il-kriżi tal-migrazzjoni, il-Brexit u l-elezzjonijiet tal-Istati Uniti.
“Ma nistgħux nibqgħu ninjoraw il-fatt li kollox huwa marbut flimkien u meta ċ-ċittadini ma jkunux kuntenti bil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE – minħabba spiżi amministrattivi, burokrazija żejda, proċeduri eċċessivi jew mhux trasparenti – għandu jkun hemm mekkaniżmi biex tittejjeb is-sistema preżenti. Nemmen tassew li s-servizz tal-Ombudsman Ewropew huwa wieħed minn dawn il-mekkaniżmi,” qalet l-MPE Mizzi.
Sa mill-bidu tat-terminu tagħha, l-Ombudsman Emily O’Reilly kienet kommessa li tagħmel is-servizzi tal-Ombudsman aktar viżibbli u effiċjenti, biex ikollhom impatt ikbar u jżidu d-djalogu maċ-ċittadini Ewropej u l-istakeholders fil-livelli kollha biex jonqos id-distakk bejnhom u l-istituzzjonijiet tal-UE.
“Irridu nenfasizzaw l-importanza tar-rwol tal-Ombudsman f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida għall-istituzzjonijiet tal-UE. Is-servizzi tal-Ombudsman iridu jidhru li huma miftuħin, trasparenti, effiċjenti u flessibbli biex aktar ċittadini jkollhom esperjenza pożittiva meta jittrattaw mal-istituzzjonijiet Ewropej. Iċ-ċittadini tal-UE jridu jkunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom u kif għandhom jużawhom. U din hija fil-fatt l-aktar funzjoni importanti tal-Ombudsman – li jtejjeb il-viżibilità u l-komunikazzjoni maċ-ċittadini Ewropej, biex jutilizzaw id-drittijiet tagħhom bl-aktar mod effiċjenti,” qalet Marlene Mizzi.