Il-Partit Konservattiv ta’ Theresa May se jkun l-ikbar partit fil-Parlament Ingliż wara li rebaħ l-elezzjoni fir-Renju Unit. Peró May mhux se jkollha l-maġġoranza assoluta meħtieġa biex il-Partit Konservattiv imexxi l-parlament waħdu u dan nissel diżappunt fil-Partit Konservattiv, b’mod partikolari għaliex hi sejjħet l-elezzjoni għax riedet mandat b’saħħtu biex anke tinnegozja Brexit.
Il-Konservattivi jidher li se jkunu kisbu 318 –il siġġu biex hekk ikunu tilfu 13-il siġġu fil-parlament. Il-Partit Laburista ta’ Jeremy Corbyn mistenni jikseb 30 siġġu iktar u għalhekk ikollhom 262 siġġu. Wara dan ir-riżultat Jeremy Corbyn qal li May kellha tirriżenja, iżda hi qalet li huwa biss il-Partit Konservattiv li jista’ jwassal għal stabbiltà.
“Bħalissa iktar minn kull mument ieħor dan il-pajjiż irid perjodu ta’ stabbiltà,” qalet May li żiedet din hija responsabbiltá tal-partit tagħha għax kiseb l-iktar voti u l-iktar siġġijiet.
Corbyn ħasibha differenti: “Jekk hemm messaġġ mill-elezzjoni tal-lejla hu li l-Prim Ministru sejħet din l-elezzjoni għax riedet mandat. Il-mandat li kisbet huwa inqas voti u inqas appoġġ. Naħseb huwa biżżejjed biex titlaq,” qal Corbyn.
Biex ikollu maġġoranza assoluta partit irid ikollu 326 siġġu.