Il-General Workers’ Union fi stqarrija ddiżassoċjat ruħha mill-editorjali tal-gazzetta L-ORIZZONT – tal-Erbgħa 7 ta’ Ġunju bit-titlu ta’ “Il-Bidu tat-Tmiem” u tal-Ħamis 8 ta’ Ġunju bit-titlu “B’Rispett lill-Verdett” – li fihom saru kummenti mhux xierqa fil-konfront ta’ ġurnalisti ta’ midja oħra. Il-GWU dejjem saħqet fuq l-għaqda u hija kontra dak kollu li jġib firda. Dan il-ħsieb il-GWU ħadnitu sa mit-twaqqif tagħha.
Filwaqt li l-GWU sostniet li tifhem li l-ħsieb ġurnalistiku jkun imqanqal mill-ħtieġa li l-ġurnal jesprimi l-fehma tiegħu, titlob iżda li wieħed japprezza li tali espressjoni mhijiex il-ħsieb uffiċjali jew il-linja gwida tal-General Workers’ Union. F’dan il-kuntest il-GWU minkejja li tul dawn l-aħħar snin kienet fil-mira ta’ attakki nġusti minn uħud mill-ġurnalisti msemmija fl-editorjali, dejjem qagħdet lura milli pubblikament toħroġ tikkundanna u tindividwa tali persuni.
Għaldaqstant, il-GWU tagħmilha ċara li tiddiżassoċja ruħha minn dan it-tip ta’ lingwaġġ u attakki individwali. Għalhekk hu ta’ dispjaċir li lingwaġġ bħal dan seta’ ta l-impressjoni li l-GWU qiegħda tappoġja din it-tip ta’ attitudni u konfrontazzjoni.