Illum saret iċ-ċerimonja tas-Sette Giugno fejn għaliha kien hemm preżenti il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-ispeaker Anglu Farrugia kif ukoll uħud mill-kandidati eletti ġodda.
Fid-diskors tiegħu Farrugia qal li dan huwa appuntament annwali li jgħinna nifhmu dejjem aktar x’għandna nistennew minn demokrazija Parlamentari. Din id-darba ċ-ċerimonja saret fuq ġewwa fid-daħla tal-Parlament minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp.
Anglu Farrugia qal li l-istorja għandha ħabta tirrepeti ruħha fejn qal li għadna kif ħriġna minn kampanja elettorali li fiha ntużaw b’mod estensiv l-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa u rajna wkoll aħbarijiet mhux veritieri jew aħjar ‘fake news‘. Qal li dan m’hu xejn ġdid għax meta seħħew l-avvenimenti tas-Sette Giugno wkoll kien hemm rappurtaġġ żballjat dwar dak li kien ġara. Huwa silet kwotazzjonijiet mir-rappurtaġġ ta’ dakinhar. Qal li dakinhar aħbar ingħatat ċertu doża biex tiżvija opinjoni pubblika dwar l-intenzjonijiet vera għaliex seħħet dik l-ġrajja. “Tajjeb li nevalwaw il-mixja fejn waslitna u fejn fadlilna mmorru permezz tal-ħidma Parlamentari tagħna,” qal dan Farrugia.
Hi esprima sodisfazzjon għall-passi kbar ‘il quddiem li saru fil-leġislatura li għadha kif intemmet.
Hu għamel enfasi fuq żewġ atti li se jaffetwaw b’mod dirett il-legislatura li se tibda u dik ta’ warajha. L-awtonomija amministrattiva, l-att dwar servizzi Parlamentari fejn sostna kif l-ispeakers predeċessuri dejjem tkellmu fl-istess ċelebrazzjoni dwar dan. Sostna li l-awtonomija amministrattiva mill-eżekuttiv hija importanti għax bis-saħħa ta’ dan l-att jiġi indirizzat l-argument li kien ilu jsir għal aktar minn 20 sena.
Spjega kif att ieħor importanti huma dak dwar l-istandars fil-ħajja pubblika. Farrugia qal li l-ikbar impatt li jipprovdi għall-ħatra ta’ kumitat parlamentari permanenti u kummissarju dwar standards fil-ħajja pubblika. Fejn dan għandu jeleva l-livell ta’ kontabbiltà ta’ kull membru li huma fid-dover li jkollu lejn ċittadin li eleġġih.
Mal-għeluq taċ-ċerimonja l-ispeaker flimkien mal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni marru quddiem il-monument tas-Sette Giugno fejn poġġew il-kuruni tal-fjuri quddiem l-istess monument. Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bid-daqq tal-Innu Malti.