Fi stqarrija l-General Workers’ Union ferħet lill-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat, għar-rebħa elettorali li wettaq f’din l-elezzjoni ġenerali. Il-GWU qalet li hi tħoss li din ir-rebħa mill-ġdid tat mandatt ċar lill-Gvern Laburista biex ikompli jmexxi l-politika tiegħu li tkompli ttejjeb il-livell tal-ħajja tal-Maltin.
Bħala s-sieħeb soċjali ewlieni tal-Gvern, il-GWU tinsab lesta biex fil-jiem, fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin tkompli taħdem biex pajjiżna jkompli jara titjib fil-livell ta’ għajxien, aktar opportunitajiet ta’ xogħol u xogħol ta’ kwalità.
Għaldaqstant il-GWU tinsab ħerqana biex taħdem mal-Gvern Laburista biex il-proposti mressqa minnha qabel l-elezzjoni jidħlu fis-seħħ, għall-ġid tal-ħaddiema, taż-żgħażagħ, tal-pensjonanti u tas-soċjetà Maltija kollha kemm hi!