- GĦADA L-ĠURAMENT TAL-ĦATRA TA’ JOSEPH MUSCAT BĦALA PRIM MINISTRU FIL-11:00
Quddiem eluf kbar ta’ nies miġbura quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Prim Minsitru Joseph Muscat qal li Malta Tagħna Lkoll għażlet l-Aqwa Żmien. Fi kliemu: “Kemm jien kburi bikom! Kemm jien kburi bil-Maltij u l-Għawdxin. Grazzi ta’ din it-turija kbira ta’ fiduċja lil tant eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Grazzi lil dawk l-eluf li bil-vot tagħhom ikkonfermaw ir-riżultat tal-2013. Ikkonfermajtu l-fiduċja fil-moviment minkejja waħda mill-aktar kampanji negattivi fl-istorja tal-pajjiż. Min ħaseb li l-poplu Malti u Għawdxi se jagħżel in-negattività, ma jafx lill-Maltin u l-Għawdxin jagħżlu l-pożittivita, ottimiżmu, enerġija, ir-rieda tajba, l-għaqda, l-uwgaljanza.
Kemm jien kburi li bir-riżultat li ksibna l-bieraħ kienet l-ewwel darba f’41 sena li dan il-Partit rebaħ żewġ elezzjonijiet fuq xulxin u dawn interbħu bl-ikbar żewġ maġġoranzi fl-istorja tal-pajjiż. Xogħolna mhux lest, qedin biss nofs triq, u intom iddeċidejtu li ma nifqux. Li nibqgu mixjin ‘il quddiem. Issa rridu ngħaqdu lil dan il-pajjiż mill-ġdid. Jiena u marti l-iktar żewġ persuni li ġejna attakkati. Imma mhux se nżommu qrusa, mibegħda f’qalbna. Nappellalkom biex kull waħda u wieħed minnkom tgħinuni biex naħdmu ma kull min irid imexxi lil Malta ‘il quddiem.
Dan huwa l-moviment tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Ikun faċli għalina li nissuppervjaw u nagħmlu affairjiet li jiswew ta’ diviżjoni. Malta l-ewwel u qabel kollox! Ħa jkollna ħafna xogħol li ħa nagħmlu b’ħeġġa.
Nirringrazzjakom talli erġajtu tajtuni l-unur li nservikom bħala Prim Ministru tagħkom u nistedinkom biex ningħaqdu u niċċelebraw il-ġurament fil-11 ta’ filgħodu. Wara għada filgħodu fil-11, l-appuntament tkun nhar is-Sibt li ġej filgħaxija fuq il-fosos tal-Furjana. Sa dakinhar, inwasslu l-messaġġ li Malta ma waqfitx nofs triq.”