B’investiment ta’ mhux anqas minn €16-il miljun, il-kumpanija James Caterers se tkun testendi l-operat tagħha b’fabbrika ġdida fiż-żona industrijali ta’ Bulebel.
Fi kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat, li żar ix-xogħlijiet li għaddejin bħalissa, dan l-investiment huwa wieħed importanti għall-industrija tal-catering hekk kif permezz tas-servizzi tagħha din se tkompli tgħin għal riżultati tajbin fis-settur.
Il-Prim Ministru semma’ kif fl-aħħar tlett snin is-settur tal-lukandi investa fl-ekonomija Maltija €500 miljun li dan jissarraf f’saħħa fuq żewġ binarji. L-ewwel, is-saħħa ta’ kemm jonfqu l-Maltin dejjem qed tiżdied u li dan huwa kkonfermat minn rapporti importanti bħal dak tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Kummissjoni Ewropea. It-tieni punt huwa kif statistika wara l-oħra pajjiżna qed jimmarka dejjem żieda bla preċedent fin-numru ta’ turisti li jżuru Malta.
James Caterers ilhom f’dan in-negozju għal 30 sena u bħalissa qed jipproduċi mal-10,000 ikla kuljum u diġà jimpjega mal-1,800 persuna. Kien spjegat kif permezz ta’ dan l-investiment il-fabbrika, The Food Factory, se tkun qed timpjega aktar nies u aktar minn hekk se toffri taħriġ. Il-Prim Ministru laqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li din se tkun qed tħaddan mudell ta’ negozju innovattiv u se tkun qiegħda toffri dan it-taħriġ liż-żgħażagħ ta’ bejn l-erbatax u s-sittax-il sena.
Dr Muscat semma kif min iħaddem qed iħoss pressjoni kbira għaliex mhawnx biżejjed Maltin li huma interessati f’din l-industrija u dawn juru x-xewqa li jkun hawn aktar nies li jkun mħarġa tajjeb biex ikunu jistgħu jatu servizz u prodott ta’ kwalità.
Din il-fabbrika qed tinbena b’mod li tħalli l-inqas impatt ambjentali possibli. Filfatt il-proġett jinkludi 2,000 panella fotovoltajika li se jiġġeneraw nofs il-konsum tal-elettriku u se tinbena ġibja tal-ilma li tesa’ mal-150,000 gallun ilma tax-xita.
James Barbara huwa d-direttur maniġerjali tal-kumpanija, u hawn spjega x’wassal għall-investiment.
https://www.youtube.com/watch?v=eW74ZFJTPk0
Ritratt: Reuben Piscopo, DOI