Il-Kor Cappella Musicale Pontificia Sistina, il-kor personali tal-Papa, ser jagħti kunċert ta’ mużika sagra bl-isem ‘Execultate Deo’. nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Ġunju fis-19:00 ta’ filgħaxija fil-KonKatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.
Din hi opportunità unika għal kull min jixtieq jattendi kunċert mill-kor tal-Papa, l-iktar kor antik fid-dinja, li huwaresponsabbli mill-akkumpanjament mużikali taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi ppreseduti mill-Papa Franġisku.
Ir-reportarju tal-kunċert f’Malta jikkonsisti f’siltiet mużikali ta’ kompożituri Ewropej tas-seklu 16, li huma magħrufa l-iktar għall-mużika sagra. Dawn jnkludu ‘Miserere’ tal-kompożitur Gregorio Allegri, u siltiet mużikali oħra minn Orlando di Lasso, Giovanni Pierluigi da Palestrina u Tumas Luis de Victoria, u wkoll silta mużikali Gregorjana.
Dan il-kor polifoniku, li l-istorja tiegħu tmur lura għall-ewwel sekli tal-Knisja, hu ffurmat minn 35 tifel, li jkantaw il-vuċijiet tas-soprani u l-alti, u minn 20 adulti, 11-il tenur u 9 baxxi. Il-kor hu mmexxi mis-surmast Mons. Massimo Palombella, saċerdot Salesjan.
Il-kor tal-Kappella Sistina, minbarra li janimaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi mmexxija mill-Papa fil-Vatikan, jagħti wkoll numru ta’ kunċerti bħala parti mill-misjoni tiegħu.