Quddiem folla ma tispiċċax, id-Deputat Mexxej Laburista għall-affarijiet tal-Partit Laburista Chris Cardona qal li dan huwa l-ikbar mass meeting li qatt kellna f’dan il-pajjiż. Għaddew 32 jum ta’ kampanja elettorali, li fiha kompliet toħroġ id-differenza bejn iż-żewġ partiti. Messaġġ ottimist kontra wieħed negattiv u mimli mibegħda tal-Partit Nazzjonalista.
“X’ma jkunux negattivi?” staqsa Cardona, “ħallejnihom bla nifs!”
Ix-xogħol illum jiġri wara n-nies, u bil-labour fil-Gvern, l-affarijiet jistgħu biss imorru għall-aħjar. Għax l-aħjar żmien ta’ pajjiżna għadu ġej. L-anqas laħqet għaddiet l-aħħar kampanja elettorali, li ma’ Gvern Laburista ma bediex iġib l-investiment lejn Malta. Dan kompla sal-aħħar, biex SkyBet għadu kemm ħabbar investiment massiċċ li se jwassal għal aktar impjiegi.
Semma lista twila ta’ investituri li se jiġu pajjiżna, bl-unika problema tkun in-nuqqas ta’ spazju. “Jafu li jistgħu jaħdmu magħna…jistgħu jafdawna” qal Cardona. Għal kuntrarju, kif jixdhu l-invoices foloz tad-DB Group, lil Simon Busuttil ma tistax tafdah.
“Afdawna, għax warajna hemm Joseph Muscat” qal Cardona, u spjega li dan biddel pajjiż minn wieħed normali għal pajjiż speċjali li sar l-għira ta’ kulħadd. Din hi d-deċiżjoni li trid tittieħed nhar is-Sibt li ġej.
“Din hija l-elezzjoni li se tiddetermina min se jmexxi pajjiżna fiż-żmien li ġej”. Minn naħa l-oħra, hemm protagonisti bħal Marlene Farrugia, Josie Muscat, David Thake, Salvu Mallia u Beppe Fenech Adami.
“Is-Sibt niddeċiedu nkomplux ngħixu l-ħolma Maltija taħt Joseph Muscat, jew inqumu bi ħmar il-lejl taħt Simon Busuttil”