Sqalli ta’ 37 sena, Alessandro Giuseppe Gandolfo weħel sitt snin u tmien xhur ħabs wara li nstab ħati li sena u nofs ilu flimkien ma’ persuna oħra wettaq hold-up f’ħanut taż-żraben fir-Rabat. Hold-up li fih weġġgħu gravi lil sid il-ħanut.
Huwa ġie akkużat li flimkien ma’ Damiano Alfo Rannisi Torrisi li ukoll hu Sqalli u għandu 39 sena wettqu serqa ta’ madwar €2,000 minn ħanut fi Triq il-Kulleġġ, ir-Rabat. Is-Sqallin nstabu ħatja ukoll li żammew is-sid kontra l-volonta tiegħu u kkawżawlu ġrieħi gravi.
F’din is-serqa, iż-żewġ irġiel kienu lebsin maskra u kellhom ukoll arma tal-ponta li taqta’ mingħajr liċenzja. Gandolfo kellu ukoll fil-pussess tiegħu raża tal-kannabis.
Meta Alessandro tressaq l-ewwel darba l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih iżda fis-seduta tal-Qorti fl-4 ta’ Mejju huwa ammetta għall-akkużi kollha. Il-Qorti ordnatlu li jħallas multa ta’ €116.47 u ġie ordnat iħallas ukoll €3,461.35 fi spejjeż lill-Qorti.