B’investiment ta’ aktar minn €44 miljun li se jwassal għall-holqien ta’ 200 impjieg ġdid, il-kumpanija Playmobil se tkompli tkabbar il-fabbrika b’espansjoni mifruxa fuq 16,000 metru kwadru.
Dan tħabbar waqt żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel fil-fabbrika f’Ħal Far fil-31 jum tal-kampanja elettorali. Filwaqt li ltaqa’ mal-ħaddiema fid-diversi sezzjonijiet differenti tal-fabbrika, innota l-investiment li sar matul l-aħħar snin fit-taħriġ lill-ħaddiema u r-rizors uman.
Biex illum, Playmobil tħaddem 1200 persuna. L-investiment imħabbar illum isegwi espansjoni li għaddej ix-xogħol fuqha bħalissa u li mistenni jkun lest sal-aħħar ta’ Ġunju, b’investiment ieħor ta’ €44 miljun oħra li jinkludu l-bini u l-makkinarju. Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva dawn l-investimenti bħala turiha ċara tal-fiduċja u sens ta’ kunfidenza li jeżisti fil-pajjiż; fi sfond ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent.
Fi żjara li għamel il-Prim Ministru ħabbar ukoll li konsorzju Indjan iffirma memorandum of understanding ma’ pajjiżna biex jibdew jamministraw dik li qabel kienet il-fabbrika tal-Actavis fl-istess waqt iserħu ras l-impjegati.