Interċettati wkoll żraben sportivi u polo shirts kontrafatti
Matul ix-xhur ta’ April u Mejju, id-Dipartiment tad-Dwana baqa’ għaddej b’ħidma li qed ikollha suċċess qawwi. L-uufiċjali tad-Dipartiment Dwana irnexxielhom, bl-għajnuna anki ta’ apparat ta’ x-ray li għandhom, jinterċettaw fuq il-fruntiera kontejners li fihom kien hemm 10,500,000 sigarett, 5,580 żraben sportivi u 180 polo shirts.
Dawn l-oġġetti, li kollha kienu jġorru fuqhom marka ta’ prodotti popolari, instab, wara li ġew riferuti lill-esperti tal-aġenti ta’ dawn id-ditti, li kienu qed jiksru l-liġijiet tad-Dritt tal-Propjeta’ Intellettwali (Intellectual Property Rights).
Minkejja li għadhom bis għaddew ħames xhur mis-sena, l-2017 hija diġa sena rekord fejn għandhom x’jaqsmu qabdiet mid-Dwana Maltija ta’oġġetti kontrafatti. Dawn is-suċċessi, minkejja li hija Dwana ta’ pajjiż żgħir, ipoġġu lid-Dwana ta’ Malta mal-aqwa Dwaniet tad-dinja fejn tidħol il-ġlieda kontra prodotti kontrafatti.
Dan kollu ġie nnutat mill-Global Anti-Counterfeiting Group, li hija organizzazzjoni internazzjonali li tipproteġi l-propjeta’ intellettwali. Din l-organizzazzjoni, fil- World Anti-Counterfeiting Day – li hija nhar it-Tlieta 7 ta’ Ġunju – torganizza il-GAC Annual Awards, u Malta ġiet nominata għan-National Body of the Year Award. Din iċ-ċerimonja ser ssir ġewwa Pariġi u Malta se tkun rappreżentata mid-Direttur Ġenerali tad-Dwana.