Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo żar il-housing estate taċ-Ċawla fejn ippreżenta għotja finanzjarja lir-residenti tal-appartamenti ta’ dan il-housing estate. Lejn l-aħħar tas-sena 2014, id-Direttorat ta’ ekoGħawdex u Żvilupp Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex beda proġett biex jitwaħħlu numru ta’ panelli fotovoltajiċi fuq il-bjut tal-appartamenti tal-Gvern ġo taċ-Ċawla.
F’Mejju 2016, il-proġett gie ikkummisjonat u l-panelli bdew jiġġeneraw l-elettriku fil-grid nazzjonali. B’kollox twaħħlu 231 panella fuq struttura metallika u dawn huma mifruxin fuq ħmistax-il blokka ta’ appartamenti. Il-panelli kapaci jiġġeneraw sa massimu ta’ 69.3 kW.
Ir-residenti ta’ dawn l-appartamenti sejrin igawdu mill-kreditu li ġie akkumulat mill-panelli, fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja. F’laqgħa li saret gewwa l-Misraħ ta’ tac-Ċawla, il-Ministru għal Għawdex, Dr Anton Refalo, ippreżenta l-għotja finanzjarja lir-residenti tal-appartamenti.
Dan, flimkien mat-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ser jgħin biex jitjieb il-lat socio-ekonomiku ta’ min joqgħod f’dawn l-appartamenti. B’hekk ukoll il-Ministeru għal Għawdex qed iwettaq parti mill-viżjoni ta’ ekoGħawdex lejn is-sostenibilita tal-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Anton Refalo stqarr li l-kwalità tal-ħajja f’Għawdex tkompli titjieb permezz ta’ investiment kontinwu fl-edukazzjoni, l-ambjent, l-iżvilupp ekonomiku, u l-progress soċjali. Huwa fakkar fil-wegħda tal-gvern li jtejjeb u jgħolli l-livell tal-għajxien tar-residenti li jgħixu fil-housing estates.
Dan il-proġett jissodisfa l-kriterji ta’ sostenibilita’ ambjentali filwaqt li jindirizza l-bżonnijiet soċio-ekonomiċi tar-residenti ta’ dawn il-housing estate.