“Malta se tkun rebbieħa nhar is-Sibt li ġej, jekk kull waħda u wieħed minna ninkoraġġixxu lil kulħadd biex nivvutaw għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista għal dan il-moviment.”
Hekk beda d-diskors tiegħu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista quddiem folla numeruża li fid-29 jum tal-kampanja elettorali nġabret fil-Birgu biex tisma l-messaġġ pożittiv tiegħu.
“Kemm ħdimna bis-saħħa tal-fiduċja li tajtuna. Kemm għamilna affarijiet flimkien bis-saħħa tagħkom.”
L-aħbar tajba li kellu l-Prim Ministru għall-folla li kellu quddiemu kienet li jekk nhar is-Sibt li ġej jerġa’ jingħata l-fiduċja, dan il-Moviment se jkun qed jagħmel saħansitra aktar għaliex it-tajjeb li twettaq bil-programm ta’ Malta Tagħna Lkoll, huwa biss il-bidu ħdejn l-affarijiet il-kbar u superjuri li hemm fil-programm il-ġdid L-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna.
Għalhekk imur quddiem il-poplu b’konvinzjoni; tenna għal aktar minn darba Joseph Muscat, għaliex il-prinċipji ta’ dan il-moviment qegħdin b’saħħithom.
Lir-residenti tal-Birgu qalilhom li ma marx biex jgħajjarhom bil-problemi, iżda biex iħeġġiġhom għall-futur li hemm jistennihom. Mhux biss lilhom, iżda lin-naħa t’isfel ta’ Malta u lill-pajjiż; għaliex fi kliem Joseph Muscat “Malta hija ċkejkna wisq biex toqgħod tinfired bejn l-aħmar u l-blu u n-North u s-South.”
Il-Mexxej Laburista sostna li dan huwa moviment li jgħaqqad mhux jifred; u hija minn dik l-għaqda li jġib l-enerġija.
L-aktar ħaġa importanti għall-Prim Ministru hija l-ġid li tqassam għand kulħadd, u dak li għad irid jasal.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista kellu dan l-appell.
“Ma’ dan il-moviment, ma’ dan il-Gvern, ħa ssib min jisimgħek. Ħaddieħor mhux interessat li jisimgħek. Ħaddieħor lanqas iħallik tasal sal-antiporta tal-bieb tiegħu. Moħħu biex jitfani l-ħabs u biex ipattiha lil kull wieħed u waħda minnhom għax jemmen li dawn kienu 4 snin li ma kelniex dritt immexxu dan il-pajjiż ’il quddiem.”
Filwaqt li tenna l-bżonn li pajjiżna jkompli miexi fit-triq li qabad, kellu messaġġ ċar favur il-kontinwità, favur Gvern li l-poplu jaf kemm qassam ġid għand il-familji.
Qal ukoll li Gvern Laburista huwa Gvern li jista’ jipperswadi bir-riżultati u bil-proposti. Jipperswadi bil-verità.