B’investiment ta’ €350,000, se jsir il-“Fgura Adventure Park”. Proġett ta’ riġenerazzjoni taż-żona bejn il-grawnd tal-Fgura u l-mina ta’ Bormla; biex fi żmien sena jibda jitgawda mill-pubbliku.
Dan il-post se jinkorpora fih BMX Park, scouting area, żona ta’ rikreazzjoni, walking and jogging track itwal minn kilometru, u multi-purpose ground.
Filwaqt li nnota li dan mhuwhiex proġett iżolat għan-naħa t’isfel ta’ Malta, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius innota li dan huwa proġett imwiegħed fil-baġit tas-sena li għaddiet.
Qal ukoll li bix-xogħol li għaddej, sal-aħħar ta’ Ġunju l-pjanti mistennija jkunu lesti biex jidħlu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Is-Sindku tal-Fgura Byron Camilleri fakkar fil-wiegħda fil-Manifest Elettorali ta’ “Malta Tagħna Lkoll” ta’ kumpens lin-naħa t’isfel ta’ Malta, u qal li dan il-proġett huwa turija oħra ċara ta’ kif il-Gvern qed jaħseb biex itaffi ftit mill-weġgħat li għal snin twal sofrew ir-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta.
Qal ukoll li b’dal-proġett, ir-residenti tal-Fgura u tal-madwar se jingħataw spazji għal familji u t-tfal biex filwaqt li jgawdu l-ambjent naturali, jingħataw spazju biex jipprattikaw id-diversi dixxiplini li tant għandhom għal qalbhom.