Fi stqarrija ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, qal li lbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qabeż kull limitu.
Schembri qal li kull allegazzjoni li saret kontra tiegħu – dwar ‘kickbacks’, commissions u kull tip ta’ ħlas li sar waqt li kien fil-Gvern – huma foloz. Hu qal li dejjem insista dwar dan, għax dik hi l-verità.
Hu sostna li hu ntuża bħala suġġett ta’ kampanja ta’ attakki għal aktar minn sena, iżda li din il-fabbrikazzjoni ġdida m’hi xejn ħlief kriminali.
Fl-istqarrija Schembri qal li l-aħħar publicity stunt li għamel Simon Busuttil turi l-kilba u d-disprament li għandu għall-poter u kif Busuttil ma jaħsibiex darbtejn biex ipoġġi l-futur ekonomiku tal-pajjiż f’riskju – u kif ukoll l-aktar prinċipju bażiku dak tal-ġustizzja.