L-istess nies wara l-fjask Arriva huma dawk li issa qed jagħtu l-pariri lil Simon Busuttil fuq il-Metro.
Nistgħu niżvelaw li l-Professur Maria Attard kienet tqabbdet mill-eks Ministru Austin Gatt u miegħu fasslet il-pjan dwar l-Arriva. Illum qed tfassal il-pjan ta’ Simon Busuttil dwar il-Metro.
Kien pjan li wassal biex il-kumpanija falliet fl-operat tagħha f’pajjiżna. Konsegwenza tiegħu, il-Maltin u l-Għawdxin kellhom servizz ta’ trasport pubbliku tat-tielet dinja, inħoloq pandemonju infrastutturali b’taħwida ta’ rotot, u kellna aktar konġestjonijiet fit-toroq. Min jaf kemm nies tilfu appuntamenti, waslu tard jew baqgħu l-art.
Dak iż-żmien, Austin Gatt, b’Simon Busuttil involut sew fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, kien qal li żmien il-bużullotti spiċċa. Maria Attard kitbet f’diversi artikli tfaħħar l-Arriva.
Issa hija waħda mill-imħuħ wara l-proġett tal-Metro. Proġett li kif preżentah il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, huwa mimli dubji, domandi mhux imwieġba u pjanijiet li jekk jitwettqu, aktarx jikkaġunaw kjass mhux biss fit-toroq Maltin, imma jkunu nawwru toqba fl-ekonomija Maltija, li mhux faċli tirpilja minnha. Għax il-proġett ta’ Busuttil, bi track record ta’ fallimenti fis-settur, jiswa l-biljuni.
B’Maria Attard fit-tmun, qed naraw l-istess sintomi ta’ dak li kien ġara bl-Arriva. Dalgħodu, waqt konferenza tal-aħbarijiet, Simon Busuttil ma seta’ jippreżenta ebda timelines. Ma preżentax dettalji dwar finanzjament. Qal li se jibda jaħdem fuq l-ewwel binajri, imma ma qalx liem. Ma kienx jaf it-toroq li se jinbdew f’Għawdex jew kemm se jiswa l-bilijett. Il-ġurnalisti ħarġu iktar konfużi milli daħlu, fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet ogranizzata mill-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil nesieħ il-kunċett ta’ meritokrazija, jiġifieri l-idea li jekk inti tajjeb f’ħidmietek, mela għandek tkun inkarigat. Tant hu hekk, li lil Maria Attard, Simon Busuttil għamilha responsabbli mill-ambjent u l-agrikoltura, meta ħatar grupp ta’ chairpersons. Ic-chairperson tal-ambjent kellu jieħu ħsieb it-trasport. Ilkoll niftakru xeni ta’ dħaħen ħirġin mill-Arriva, b’ebda gwadann għall-ambjent u wisq inqas t-trasport tal-pajjiż.
Jekk dan mhux biżżejjed, ditta ta’ periti magħrufa sew għal kemm gawdiet taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, tqabbdet biex tagħmel ir-riklam u l-kitba tal-fuljett li qed iqassam Simon Busuttil illum preżenta ruħu quddiem il-ġurnalisti u qal li se juri filmat dwar kif se taħdem il-metro. Minflok, wera filmat promozzjonali bbażat fuq viżwali artistiċi u mhux projections reali, li ilu ġimgħat jintwera fuq Net Television. Il-ġurnalisti ħarġu ddiżappuntati.
Kieku jinteressah il-progress tal-pajjiż, Busuttil żgur ma kienx iqabbad l-istess nies responsabbli mill-Arriva. Jirriżulta aktar minn qatt qabel li b’Simon Busuttil fit-tmun, l-arloġġ f’pajjiżna jitreġġa’ lura.