Pajjiżna qed ikompli jassorbi aktar fondi ewropej, fil-fatt is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li l-interess fis-sejħiet ta’ dawn il-fondi kien wieħed tajjeb ħafna f’dawk li huma assi naturali u kulturali.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li nħarġet is-sejħa għal għaqdiet mhux governattivi u Kunsilli Lokali. Sejħa li għaliha diġà saru 21 applikazzjoni u li minnhom €20 miljun jinkludu proġetti ta’ interess nazzjonali fosthom il-proġett ta’ restawr tal-Pro-Katidral tal-Anglikani fil-Belt Valletta. Proġett ta’ €1,100,000 minn Fondi Ewropej bl-għan li dan il-pro-katidral jattira aktar turisti.
Proġetti oħra jinkludu dak tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa li għalih se jiġu allokati €600,000 biex jiġi restawrat l-arloġġ tal-Imtarfa. Filwaqt, li f’Ħal Qormi, l-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ daħlet l-applikazzjoni biex tkun tista’ taħdem il-piroteknika u tagħmel workshops għat-turisti biex tkun jistgħu jitgħallmu aktar dwar dan il-proċess.
Ian Borg qal li dan kollu jikkontribwixxi għall-prodott turistiku Malti.