Il-Gvern u l-MAM laħqu ftehim dwar il-proġett ta’ Vitals Global Healthcare. Jiġifieri l-konsorzju se jaħdem bħala msieħeb mal-Gvern fl-Isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Ftehim minnhom huwa dwar public-private partnership ma’ Vitals Global Healthcare. L-impjegati ta’ Karin Grech, St Luke’s u l-Isptar t’Għawdex se jibqgħu kollha impjegati mal-Gvern, bil-benefiċċji kollha li dan iġib miegħu. Se jkun hemm reklutaġġ aktar ġust ta’ tobba, filwaqt li ntlaħaq qbil ukoll fuq it-tagħlim mediku permezz ta’ Barts.
Ftehim ieħor huwa settorali u se jwassal għal ftehim ġdid bejn il-Gvern u t-tobba wara li l-ftehim preċedenti skada. Wara xhur ta’ diskussjoni, intlaħaq ftehim fejn tobba se jiggwadanjaw u se jkun promess servizz aħjar fis-saħħa pubblika.
Tobba fil-kategoriji kollha se jkunu qed jibbenefikaw għax se jkun hemm għarfien aħjar tas-sezzjonijiet differenti tat-tobba u se jkun hemm level playing field. Il-ftehim qed jespandi l-kunċett ta’ sessions, jiġifieri jaħdmu ħinijiet skont sessjonijiet fuq perjodi ta’ sena sena mal-pazjent.
Il-Gvern u l-MAM jaqblu wkoll li l-klawżoli kollha tal-patient charter ikunu implimentati. Peress li f’Settembru se titnieda strategija tas-saħħa diġital, importanti ftehim dwar l-informatika, għal servizz aħjar. Kollox se jidħol fis-seħħ b’mod immedjat.