Kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Deniro Magri li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Sylvester Farrugia. Fil-Qorti nstema’ kif il-balla li allegatament ġiet sparata minn dar fil-Marsa fid-direzzjoni taż-żewġt irġiel li kienu qed jipprovvaw iqabdu l-bieb tad-dar tal-vittma Sylvester Farrugia ma għaddietx minn ġol katavru u għalhekk tneħħiet waqt l-awtopsja.
Magri qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fl-awla tal-Qorti, xehed Dr Mario Scerri li fl-ispjegazzjoni li ta qal kif eżamina lill-vittma fit-12 ta’ Frar. Scerri spjega kif il-balla nħarġet mill-katavru waqt l-Awtopsja u li mbagħad ntbagħtet għand esperti forensiċi.
Xehed ukoll uffiċjal tas-CID li flimkien ma’ kollega tiegħu għamel it-tfittxija fid-dar ta’ Deniro Magri. Fix-xhieda tiegħu l-uffiċjal spjega li kien Magri stess li ħadhom fit-tieni sular tad-dar fejn allegatament seħħ il-każ. L-uffiċjal tal-Pulizija qal li fuq is-saqqu li dak il-ħin kienu fuqu l-akkużat kien għad hemm il-controller tal-playstation tiegħu li allegatament kien qed juża’ Magri fil-mument li mill-kameras tas-sigurtà ntebaħ li żewġ persuni kienu qed jipprovaw iqabdu l-bieb tad-dar tiegħu.
Fit-tfittxija li għamlu, l-Pulizija qalu li Deniro Magri urihom fejn kien qed iżomm l-arma li dakinhar spara biha lejn iż-żewġ irġiel li allegatament kienu qed jipprovaw iqabdulu l-bieb tar-residenza tiegħu.