Il-Kunsilli Lokali se jgawdu minn €700,000 li se jinqasmu f’ħames mitt elf ewro minnhom biex jużawhom għal wiċċ ġdid tat-toroq u €200,000 oħra se jmorru sabiex jinbena ċentru ċiviku f’Ħaż-Żebbuġ permezz ta’ Memorandum of Understanding li ġie ffirmat illum.
Dawn huma fondi addizzjonali barra l-allokazzjoni annwali tal-kunsilli.
Kien spjegat kif l-akbar inkwiet tar-residenti ħafna mid-drabi jkun tal-indafa fil-lokalità u l-manutenzjoni tat-toroq u b’hekk permezz ta’ din l-inizjattiva se jiġi indirizzat ukoll dan it-tħassib.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li din l-inizjattiva se tingħaqad mal-proposta tal-Partit Laburista biex fi żmien seba’ snin jwettaq il-proġett ta’ toroq residenzjali b’investiment ta’ mitt miljun ewro fis-sena.