L-Awtorità tal-Ippjanar bdiet tneħħi l-billboards illegali li ma ġewx imneħħija mis-sidien rispettivi wara l-iskadenza tad-data tal-5 Mejju, 2016.
L-Awtorità bdiet l-operazzjoni tagħha fuq żewġ toroq arterjali li jinkludu l-Bypass tal-Imrieħel u Triq Aldo Moro l-Marsa. Matul l-operazzjoni, l-Awtorità neħħiet, b’azzjoni diretta 12-il billboard illegali filwaqt li 19-il struttura illegali l-oħra li l-Awtorità kienet immirat wkoll li tneħħi minn dawn iż-żoni, ġew eventwalment imneħħija mis-sidien infushom. It-tneħħija ta’ dawn il-billboards qed titwettaq bi spejjeż tas-sidien rispettivi.
Uffiċjali mid-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorita’ tal-Ippjanar ikkoordinat l-operazzjoni bl-għajnuna tal-uffiċjali mill-Unità tal-Infurzar ta’ Transport Malta u t-taqsima amministrattiva tal-Infurzar tal-Pulizija. L-operazzjoni kienet imwettqa matul il-lejl sabiex jkun hemm inqas tfixkil u inkonvenjenza għas-sewwieqa.
Ir-regolamenti l-ġodda dwar il-billboards u r-reklamar li daħlu fis-seħħ fil-bidu tax-xahar li għadda permezz tal-Avviż Legali 103 tal-2016, jipprovdu ċertezza sabiex jiġi determinat liema billboards huma legali jew illegali. Matul ix-xahar ta’ April 2016, l-Awtorità ħarġet avviżi ta’ infurzar kontra aktar minn 250 billboard illegali. Aktar minn 100 minn dawn il-billboards illegali diġà tneħħew mis-sidien rispettivi tagħhom.
L-Awtorità se tkompli tneħħi l-billboardsi illegali li baqa’ fil-jiem li ġejjin. Is-sidien tal-billboards illegali huma mħeġġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tan-notifika tal-avviżi tal-infurzar sabiex evitataw il-ħlas tal-ispejjeż inkorsi mill-Awtorità matul t-tneħħija tal-billboards illegali.