Ftit tal-mumenti ilu kien iffirmat Memorandum of Understanding bejn l-MCAST u l-ITS, żewg istituzzjonijiet postsekondarji f’pajjiżna. Il-mira ewlenija tkun is-sinerġija f’korsijiet f’oqsma diversi li joffru ż-żewġ istituzzjonijiet.
Dan qiegħed isir fi proċess li qed jara l-ITS jikkonkludi partnership agreements ma’ diversi istituzzjonijiet kemm lokali kif ukoll internazzjonali, fid-dawl li fis-snin li ġejjin, l-ITS se jimxi f’kampus ġdid fi Smart City. Dan huwa investiment ta’ xejn inqas minn €60 miljun.
Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li huwa pass fil-mira tal-Gvern biex il-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu jkunu iktar kwalifikati u jkollhom dak li qed titlob l-industrija.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li dan huwa biss l-ewwel pass. Saħaq fuq il-bżonn ta’ ftehim ieħor li jinkludi wkoll il-fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, li jara li għalliema ta’ suġġetti vokazzjonali jaħdmu flimkien biex b’hekk ikun żgurat l-aqwa tagħlim għall-istudenti tagħna.