Wara ftehim li kien iffirmat bejn il-manaġment ta’ Pjazza Teatru Rjal u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol permezz tal-programm EducationPlus, Pjazza Teatru Rjal qed iniedi programm ta’ serati li jżewġu flimkien stili u ġeneri mużikali u letterarji diversi bit-titlu “Iljieli fit-Teatru”. L-ewwel minn dawn is-serati se tkun qed issir nhar it-Tnejn, 29 ta’ Mejju fis-7.30pm fil-Green Room tat-Teatru. Din is-sala, li għadha kif kienet irranġata u attrezzata mill-ġdid, tista’ tkun aċċessata mid-daħla ta’ wara tat-teatru u se tkun qed tilqa’ fiha attvitajiet simili biex b’hekk tagħmel mit-teatru spazju li jibqa’ attiv is-sena kollha.
F’din l-ewwel serata mis-sensiela “Iljieli fit-Teatru”, il-vjolinist Reggie Clews – li huwa ‘assistant concert master’ tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta – se jkun qed idoqq għażla ta’ Capricci ta’ Niccolo’ Paganini, filwaqt li Norbert Bugeja, Leanne Ellul u Aleks Farrugia se jkunu qedin jaqraw għażla ta’ xogħlijiet letterarji bil-Malti u bl-Ingliż. Matul l-istess serata il-pubbliku preżenti se jkun qed jisma’ għall-ewwel darba il-poeżija ta’ Adrian Scerri. Id-dħul se jkun bla ħlas.
Il-ftehim bejn Pjazza Teatru Rjal u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu għall-iskejjel biex itellgħu produzzjonijiet teatrali, kif ukoll permezz ta’ ‘job shadowing’ u ‘job placements’ joħloq opportunitajiet għall-istudenti biex jesperjenzaw id-dinja tat-teatru b’mod prattiku u konkret. Dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn Pjazza Teatru Rjal u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, liema kollaborazzjoni bdiet fl-2016 meta flimkien mal-International Spring Orchestra ħadmu fuq Ritmi-KA, proġett edukattiv bil-perkussjoni li ta’ kull sena jinvolvi mal-ħamsin student u studenta.
“B’Iljieli fit-Teatru” qegħdin inkompli nippromwovu lit-teatru bħala spazju għall-arti, fejn it-teatru jsir kumpless ta’ spazji attivi matul is-sena kollha, fejn jinħoloq spazju ta’ djalogu bejn forom differenti ta’ arti li jagħti opportunita lill-vuċijiet kulturali Maltin biex jesprimu lilhom infushom,” qal Charles Gatt, Ċermen ta’ Pjazza Teatru Rjal waqt l-iffirmar tal-ftehim. Is-Sur Joseph Caruana, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol żied jgħid li “iż-żewġ entitajiet qed iħarsu ‘l quddiem lejn Iljieli fit-Teatru li jsiru parti mill-kalendarju kulturali Malti bl-involviment ta’ aktar artisti, mużiċisti u kittieba, partikolarment biex naraw aktar talent ġdid Malti ippreżentat lill-pubbliku.”