Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta mandat biex jibdew in-negozjati dwar l-Ekonomija Ċirkulari (Circular Economy) mal-Parlament Ewropew. Ħabbar dan il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella waqt il-konferenza ‘From Waste to Value’ organizzata mill-MEP Miriam Dalli, li kienet titratta t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkulari.
Il-Kummissarju Ewropew Malti sostna li l-Presidenza Maltija kellha rwol kruċjali biex iġġib l-appoġġ meħtieġ u jibdew id-diskussjonijiet bl-għan li l-Ewropa taddotta l-ekonomija ċirkolari.
‘Dan jippermetti li l-Ewropa, li hi pjuttost fqira fir-riżorsi iżda sinjura fl-innovazzjoni, tkun aktar kompetittiva billi tkun effiċjenti fl-użu tal-materja prima. Dan huwa l-ħsieb ewlieni wara l-kunċett ta’ Circular Economy li mhux biss qed tiġi addottata fl-Ewropa iżda wkoll globalment,’ qal il-Kummissarju Karmenu Vella.
L-MEP Maltija Miriam Dalli, li sservi wkoll ta’ koordinatur għas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq l-Ambjent, irringrazzjat il-Presidenza Maltija tal-isforzi tagħha biex id-diskussjonijiet jibdew minnufih. Hi qalet li b’din it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkulari, l-iskart ikun jista jitqies bħala riżors li jista jagħmel differenza fil-prodotti t’għada.
‘Din hi qabża li rridu nagħmlu fl-abitudnijiet tagħna, fejn minflok nużaw u narmu prodott dawn isiru parti minn prodotti oħra. Għalhekk l-ekonomija ċirkulari hija għodda sostenibbli li tħalli riżultati pożittivi kemm għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomija tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea,’ irrimarkat Dr Dalli.
Dan il-ħsieb kien rifless ukoll mill-MEP Taljana Simona Bonafe, li hi n-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew fuq dawn il-proposti leġislattivi.
‘L-ekonomija ċirkulari tipprovdi xenarju li minnu jiggwadanja kulħadd. Jekk indawru l-immaniġġjar tal-iskart minn sfida għal riżors, inkunu qed noħolqu aktar impjiegi u nżidu l-kompetitività tal-intrapriżi tagħna,’ irrimarkat Bonafe.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Jose’ Herrara f’isem il-Presidenza tal-Kunsill qal li l-għan tal-Presidenza Maltija kienet li tirreplika l-progress li sar fil-Parlament Ewropew, u biex in-negozjati għall-ewwel qari jibdew matul dan it-terminu tal-Presidenza. Xi ħaġa li se ssir, hekk kif l-ewwel laqgħa tat-Triju tal-Presidenzi fuq dawn in-negozjati se ssir fit-30 ta’ Mejju li ġej.
Il-konferenza ‘From Waste to Value’ b’hekk ġabet flimkien policy-makers Ewropej, stakeholders lokali, rappreżentanti tal-industrija, esperti u anke studenti, li lkoll kkontribwixxew għad-diskussjoni dwar prattiċi ideali li jwasslu għat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkulari.