Il-Prim Ministru tal-Ġappun Shinzō Abe se jagħmel żjara uffiċjali f’Malta nhar is-Sibt 27 ta’ Mejju. Huwa se jkun akkumpanjat minn uffiċjali għolja tal-gvern Ġappuniż.
Il-Prim Ministru Abe se jkollu taħdidiet uffiċjali mal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Berġa ta’ Kastilja.
Waqt li se jkun f’Malta, il-Prim Ministru Ġappuniż se jsellem ukoll lil 68 baħri u uffiċjali Ġappuniżi midfuna fiċ-ċimiterju militari tal-Kalkara. Dawn il-baħrin u uffiċjali kienu stazzjonati f’Malta matul l-Ewwel Gwerra Dinjija mal-flotta Ġappuniża li kienet qed tgħin lill-flotta Ingliża fil-Mediterran. Huma mietu meta l-bastiment tagħhomSakaki kien intlaqat minn sottomarin Awstrijak f’Ġunju 1917.
Shinzō Abe kien elett Prim Ministru għall-ewwel darba fl-2006 u kien l-iżgħar Prim Mnistru tal-Ġappun minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. Fl-2012 Shinzō Abe inħatar Prim Ministru għat-tieni darba, kariga li għadu jokkupa sal-lum.