Il-Qorti kellha kliem iebes ħafna f’sentenza li fiha missier inħeles minn akkużi li kkorompa lill-bintu wara li omm għamlet rapport li mill-provi rriżulta li huwa falz.
Fil-Qorti, Joseph Mercieca, kien akkużat li kkorrompa lil bintu ta’ 15-il sena. Iżda, f’sentenza studjata ta’ 38 paġna mill-Maġistrat Joe Mifsud, Mercieca inħeles minn kull akkuża.
Kien iddikjarat kif tul il-kawża li damet għaddeja ħames snin il-Qorti rat ħafna mibgħeda.
“Mibgħeda kbira li sfortunatament qed twassal lill-kwerelant (il-mara) tħejji rapporti fil-konfront ta’ żewgha li mhumiex fondati.
Sfortunatament il-vittmi f’dan il-każ huma l-ulied li jkollhom jixhdu fi proċeduri kriminali fil-konfront ta’ missierhom fuq talba t’ommhom, innotat il-Qorti li wissiet il-pulizija biex każi bħal dawn jindagawhom sew. Hawn il-Qorti għamlet referenza għal konversazzjoni li kien hem bejn l-avukati.
L-Avukat Kevin Mompalao xehed dwar it-telefonata li rcieva mingħand l-Avukat Noel Bianco li għal xi żmien kien l-avukat tal-omm.
Xhud: “Niftakar konna qegħdin weekend break bil-familja u kont qiegħed fil-by-pass tal-Iklin. Iċempilli t-telefown, tfajt għall-ġenb u kien Dottor Noel Bianco. U qalli “qed inkellmek fuq Rosalie Mercieca.” Għidtlu “mela ha tassumi l-patroċinju int”, jiena. Qalli “le” qalli “se mai forsi nassoċja ruħi ma’ Dottor Deborah.” Qalli: “Dan hemm ċans illi jaslu”. Għidtlu “aħna għamilna proposta.” Għidtlu “speċi ta’ qed neħodha illi ma ġietx aċċettata dik il-proposta.” Għidtlu “imma you want too much b’dik il-kontro-proposta illi qed tagħmlu.” Qalli, “ħa ngħidlek, dan jaqbilhom jirranġaw, għax dan l-affarijiet ħa jikbru.” U jiena ħa jikbru, għidtlu “immorru l-Qorti,” Qalli “le ha jikbru xorta oħra.” Qalli “din se tagħmillu rapport mal-pulizija.” Għidtlu rapport mal-pulizija fuq xhiex.” Qalli “Uhhhh” u ħallieni hekk. Għidtlu“rapport mal-pulizija fuq xhiex?” Għidtlu speċi ta… Qalli “għax dan hemm każ ta’ abbuż.” Għidtlu “x’abbuż hu?” Qalli “abbuż fuq it-tfal.” Ghidtlu” allura inti qed tagħmel rikatt.” Għidtlu “jekk ma nirranġawx, jekk ma nagħtukomx li tridu ħa tmur tagħmlu …” Għidtlu “jien dawn l-affarijiet ma jagħmlux bija.” U niftakar kellimtu daqsxejn kif ikolli nkellmu.
Il-Qorti nnotat ukoll kif saċerdot li prova jgħin kien se jintuża u saħansitra kif l-omm ipprovat idaħħal lill-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca, iz-ziju tal-akkużat.
IL-MAĠISTRAT DWAR L-IRWOL TAL-MISSIER
Intant, fis-sentenza spikkaw l-iktar ir-riflessjonijiet tal-Maġistrat li ma qgħadx lura milli jwissi dwar l-aġir fil-każ u janalizza dak li qed iseħħ fis-soċjetà Maltija.
“Il-Qorti tirrimarka li huwa għajb għas-soċjetà u għall-familji, meta jitħawdu l-elementi ta’ żina ma’ dawk ta’ mħabba u rispett ta’ ġenitur fil-konfront tat-tfal tiegħu, li nkwetat li t-tfal tiegħu huma morda jagħmlilhom dak li għandhom bżonn u jieħu ħsiebhom, għaliex inkella se naslu fi stat ridikolu,” iddikjara l-Maġistrat fis-sentenza.
Qal li jekk jiġri hekk “inkunu wasalna fi stat fejn il-missier ma jistax jgħannaq lil bintu, fejn il-missier jibża’ jagħti banju lit-tfal tieghu ta’ ftit snin ma jmurx jiġi akkużat b’korruzzjoni tal-minuri u ma jistax lanqas biss jikkonsidra li jirrikorri biex jiehu ħsieb bintu meta din tkun għadha żgħira u tkun ma’ tiflaħx,” iddikjarat il-Qorti.
Il-Maġistrat żied li dan ikun ta’ għajb kbir partikolarment meta wieħed iqis kemm isiru sforzi kbar biex il-ġenituri jkollhom sehem indaqs fit-trobbija tal-ulied.