02:17: Il-Pulizija ta’ Manchester ikkonfermaw permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna tas-sit soċjali Facebook li s’issa ġew ikkonfermati 19-il persuna mejta u madwar 50 persuna oħra midruba.
Ġie kkonfermat ukoll li dan il-każ qed jitqies bħala attakk terroristiku.
02:02: Għadu mhux magħruf jekk dan kienx attakk terroristiku iżda l-awtoritajiet m’huma qed jeskludu xejn.
S’issa għadu mhux ikkonfermat kemm hemm persuni li tilfu ħajjithom iżda qed jingħad li x’aktarx hemm aktar minn għaxar persuni.
01:53: Filmat meħud minn kamera li kienet f’vettura juri l-mument li seħħet l-isplużjoni fejn għalkemm il-vettura ma kinitx viċin, wieħed xorta waħda jista’ jisma l-ħoss u kif ukoll jidher fuq in-naħa tax-xelug li fl-istess ħin tal-ħoss jidher tip ta’ ‘dawl’,
LATEST: This dashcam video shows glow from explosion at #Manchester Arena.
Far left-6 seconds
pic.twitter.com/eaPCdXPYSt— 1stAmend UNLEASHED (@AD_WHITMAN) May 22, 2017
01:50: Huma diversi persuni li bħalissa qed jitolbu l-għajnuna tal-pubbliku fuq Twitter sabiex jgħaddulhom kull informazzjoni li wieħed jista’ jkollu dwar membri tal-familja tagħhom li kienu waqt il-kunċert u ma jafux x’ġara minnhom.
01:41: Fuq post bħalissa waslu l-Bomb Disposal Unit.
01:37: Residenti f’Manchester qed joffru l-għajnuna tagħhom billi qed jiftħu l-bibien tar-residenza tagħhom għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għandhom bżonn l-għajnuna wara li seħħet din l-isplużjoni.
Numru ta’ taxis qed joffru servizz b’xejn lil dawk kollha li għal xi raġuni ma jistgħux jaslu d-dar minħabba dak li ġara.
01:34: Il-Pulizija ħarġet appell biex kemm jista’ jkun ħadd ma jersaq lejn iż-żona milquta.
Huma bosta li bħalissa qed jappellaw lill-ġenituri ta’ dawk it-tfal li kienu waqt il-kunċert biex imorru fil-lukanda bl-isem ta’ Holiday Inn hekk kif għadd ta’ tfal ittieħdu hemm.
Aktar Qabel: Splużjoni li seħħet ftit tal-ħin ilu f’Manchester Arena f’Manchester l-Ingilterra, fejn kien qed isir kunċert mill-kantanta rinomata Ariana Grande, ħalliet numru ta’ persuna mejta u diversi oħra midruba.
Il-Pulizija qalu li bħalissa qed jirrispondu għal diversi rapporti li qed isostnu li seħħet splużjoni u li kienn hemm numru ta’ persuni kkonfermati mejta u diversi oħra midruba.
Persuni minn fuq il-post irrakkantaw mal-midja barranija li “kif konna se nitilqu mill-istabbilment smajna splużjoni kbira u kulħadd beda jiġri u jgħajjat.”
Manchester Arena hi meqjusa bħala l-ikbar Arena fl-Ewropa u fetħet il-bibien tagħha lura fl-1995. L-istess arena tilqa’ madwar 21,000 persuna, dan skont is-sit tal-istabbilment.
Rappreżentant tal-kantanta Ariana Grande sostna li l-kantanta tinsab “tajba”.
Qed jingħad li l-istazzjon tal-ferrovija qrib l-istabbilment fejn sar il-kunċert jinsab magħluq.
Fuq il-post issejħu numru ta’ ambulanzi sabiex jassistu lil dawk li huma feruti kif ukoll numru kbir ta’ Pulizija.