Il-Partit Nazzjonalista se jidħol għall-ġimgħa ta’ qabel tal-aħħar tal-kampanja elettorali mingħajr manifest elettorali lest. Il-gazzetta KullĦadd żvelat li sebat ijiem wara li kellu jkun ippreżentat dan il-manifest elettorali għadu lanqas intbagħat biex ikun stampat.
Il-Ħadd li għadda żvelajna li fil-bidu tal-kampanja elettorali, il-jum tas-Sibt 13 ta’ Mejju kien skedat bħala l-jum li fih jitħabbar il-manifest elettorali f’Kunsill Ġenerali li jitlaqqa’ għal dan il-għan.
Internament kien intqal li dan kellu jsir bit-tama li joħroġ qabel tal-Partit Laburista u hekk il-Partit Nazzjonalista jidher iktar preparat.
Iżda, dak il-Kunsill Ġenerali tħassar u minn dakinhar il-Partit Nazzjonalista għamel sforz biex ilesti l-manifest kemm jista’ jkun malajr.
Iżda, ma rnexxilux jagħmel dan fl-aħħar jiem anke jekk Simon Busuttil ilu jgħid żmien li għandu l-bażi lesta għax dejjem jgħid li għamel ħafna dokumenti ta’ politika. Iżda, dan ma wassal għal xejn u minbarra li nqabad joħroġ proposti mhux studjati lanqas il-proposti nfushom ma kienu lesti. Tagħrif li għandna jgħid ukoll li fost l-affarijiet li setgħu tefgħu dan il-manifest elettorali lura hemm in-nuqqas ta’ qbil li kien hemm fuq ċerti temi ma’ Marlene Farrugia li sabbtet saqajha u għalhekk kellu jkun hemm ċerti bidliet. Simon Busuttil afda lil Therese Comodini Cachia bix-xogħol ta’ dan il-manifest u l-kritika fuq din l-għażla mhix tonqos l-anqas.
Intant, fl-aħħar ġimgħat Simon Busuttil beda jilqa’ wkoll għan-nuqqas ta’ dettall dwar dak li propona u qal li wieħed m’għandux jistenna enċiklopedija fuq kull proposta.