Filfatt il-European Broadcasting Union li hija l-istituzzjoni responsabbli mill-Eurovision Song Contest ħabbret li se tkun qed timponi sanzjonijiet fuq l-istazzjon nazzjonali Armen. Dan għaliex skont ir-regoli tal-festival m’għandha ssir l-ebda referenza għall-kwistjonijiet politiċi. Is-sanzjonijiet imposti mistennija jinkludu multi u ma jidhirx li l-parteċipazzjoni tal-Armenja fil-finali se tiġi affettwata.
Ir-reġjun imsemmi ilu snin twal ikun sors ta’ kwistjoni tbaqbaq bejn l-Armenja u l-Ażerbaijan u ftit tal-ġimgħat ilu reġa’ qam il-ġlied fir-reġjun bejn fazzjonijiet Armeni u l-qawwiet militari t’Ażerbaijan. It-tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi qed tinħass sew fi Stokkolma hekk kif waqt il-konferenza stampa li ngħata l-bieraħ wara s-semi-finali, numru ta’ ġurnalisti ġibdu l-attenzjoni dwar il-kunflitt bejn l-Armenja u l-Ażerbaijan.
Dan m’huwiex l-ewwel każ ta’ dan iż-żewġ pajjiżi fil-Eurovision. Fl-2009, ċittadini t’Ażerbaijan ġew arrestati għaliex skont rapporti ivvutaw għall-kanzunetta tal-Armenja. Tlett snin wara, meta l-Ażerbaijan ospitaw il-Eurovision Song Contest, l-Armenja ma kinitx ipparteċipat.